Malta ngħatat il-European Youth Information Quality Label mill-Aġenzija Ewropea għall-Informazzjoni u l-Pariri għaż-Żgħażagħ tas-servizz ta’ informatika affidabbli, komplut, u newtrali li l-Aġenzija Żgħażagħ qiegħda toffri liż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li meta wieħed iqis li waħda mill-isfidi li jħabbtu magħhom iż-żgħażagħ hija l-aċċessibbiltà għal informazzjoni korretta li tista’ twassalhom ’il quddiem u tgħinhom jilħqu l-quċċata f’ħajjithom, il-fatt li Malta għandha aġenzija nazzjonali vverifikata u ċċertifikata li tagħti informazzjoni korretta u ta’ min joqgħod fuqha huwa ta’ unur għall-pajjiż u għax-xogħol impekkabbli li tagħmel l-Aġenzija Żgħażagħ.
Waħda mill-ħaddiema ta’din l-Aġenzija qalet li l-Aġenzija taħdem għall-benefiċċju taż-żgħażagħ kollha u żżomm l-informazzjoni li toffri bħala prijorità billi tassigura li l-informazzjoni li taqsam tkun affidabbli u mfassla apposta biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilħqu l-għanjiet tagħhom filwaqt li jikbru f’ċittadini attivi.
Spiteri qalet, “Dan ir-rikonoxximent li ngħatajna mhux biss ta’ unur, imma huwa wkoll motivazzjoni għalina l-Uffiċjali ta’ Informazzjoni Żgħażagħ, fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ, biex insibu metodi ġodda kif inqassmu aktar informazzjoni liż-żgħażagħ u nkunu nistgħu nirrispondu għad-domandi taż-żgħażagħ.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li tħossha kburija li l-ħidma ta din l-aġenzija qed tiġi rikonoxxuta mill-istituzzjoni Ewropea. Hija sostniet li r-responsabbiltà tal-Aġenzija issa hi li tkompli tibni fuq dak li diġà għandha.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, spjega li l-ħidma sfiqa tal-ħaddiema tal-aġenzija nazzjonali għaż-żgħażagħ qed tkompli tissarraf f’ġid kemm fil-livell lokali fost iż-żgħażagħ, kif ukoll fil-livell Ewropew hekk kif pajjiżna spiċċa fil-quċċata Ewropea b’dan l-unur internazzjonali.
Qal, “Hu ta’ sodisfazzjon li tara li l-Aġenzija Żgħażagħ ingħatat iċ-ċertifikat ta’ kwalità għat-tixrid ta’ informazzjoni. Nafu kemm iż-żgħażagħ huma esposti għal informazzjoni skorretta u għalhekk din il-label tagħti aktar kredibilità lil din l-Aġenzija.”