L-14 ta’ Ġunju hi l-ġurnata li fiha d-dinja tiċċelebra lid-donaturi tad-demm. Skont statistika tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, isiru madwar 118-il miljun donazzjoni tad-demm madwar id-dinja biex jitqassmu fi sptarijiet u jintużaw mill-pazjenti li għandhom bżonn.
F’Malta, iċ-ċifri juru li d-domanda qed tiżboq il-provvista tad-demm, għax filwaqt li fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa hemm madwar 9,400 persuna rreġistrata li tagħti d-demm, it-total fis-sena ta’ donazzjonijiet jilħaq biss id-19,800, medja ta’ ftit aktar minn darbtejn fis-sena għal kull donatur.
Iċ-ċentru biswit l-eks Sptar San Luqa ilu miftuħ mill-2007 u l-post nazzjonali fejn wieħed jista’ jagħti d-demm dejjem, inkluż fil-Ħdud u l-festi.
Minbarra hekk, iżda, wieħed jista’ wkoll jagħti d-demm fil-Blood Donation Mobile Unit li żżur diversi lokalitajiet u tiġbor madwar 3,000 donazzjoni oħra fis-sena.
Is-Senior Staff Nurse fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm, Caroline Cassar, spjegat ir-rwol nazzjonali tagħhom.
“Il-ħidma tagħna hi biex dejjem aħna jkollna d-donaturi. Biex id-donaturi jiġu jagħtu d-demm jew plastrini biex ikun hemm dejjem riserva tajba għall-pazjenti tal-isptarijiet ta’ Malta kollha.”
Bħalissa, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm, hemm il-possibbiltà li wieħed jagħti d-demm b’mod ġenerali kif ukoll li wieħed jagħti biss dawk li jissejħu l-platelets. Dan il-proċess jieħu madwar siegħa bis-sehem ta’ donaturi magħżulin minn qabel fejn, imbagħad, id-donazzjoni tagħhom tintuża għal pazjenti individwali tal-kanċer.
Waqt li konna fiċ-ċentru ta’ Gwardamanġa, inzertajna proprju wieħed minn dawn id-donaturi.
F’kumment ma’ ONE News, Kurt Psaila, li hu wkoll infermier, saħaq li din hi l-ewwel darba tiegħu li kien qed jersaq biex jagħmel donazzjoni tal-platelets, waqt li żied li kienet ilha tberren f’moħħu li jkun iżjed disponibbli favur il-pazjenti.
“Kont ili ħafna nixtieq nagħti d-demm u, speċjalment minn meta bdejt naħdem bħala nurse, aktar bdejt nara fuq xogħli kemm hemm bżonn, għax nagħtu ħafna boroż tad-demm matul ix-xogħol tagħna. Jidħlu ħafna pazjenti b’mard differenti, li jkollhom bżonn demm urġenti u nafu kemm hawn bżonn li, sfortunatament, hawn aktar domanda mili qed jingħata demm, jiġifieri meta rajt dan il-bżonn ta’ demm, ħassejt li għandi nibda nagħti.”
Is-Senior Staff Nurse Caroline Cassar kompliet tenfasizza biex dawn id-donazzjonijiet tad-demm jibdew isiru b’mod regolari u frekwenti, inkluż minn persuni li qatt ma resqu biex jikkontribwixxu.
“Ħa niċċelebraw 20 sena minn mindu l-World Health Organization iddikjarat l-14 ta’ Ġunju bħala l-Jum tad-Dinja tad-Donaturi tad-Demm. Infatti t-tema ta’ din is-sena hija ‘20 Sena ta’ Għotja: Grazzi lid-Donaturi!’ Jiena l-appell tiegħi hu li nħeġġeġ aktar donaturi biex jiżdidulna iżjed donaturi biex jibbenefikaw iżjed pazjenti fl-isptarijiet tagħna. Minn qalbi nirringrazzja lid-donaturi eżistenti li jiġu jagħtu jew kull tliet xhur jew kull erba’ xhur, fis-sena.”