Malta għal darb’ oħra qed tingħaqad ma’ stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea li qed jikkommettu għajnuna finanzjarja għall-komunitajiet Sirjani li qed jgħixu diffikultajiet umanitarji kemm ġewwa s-Sirja kif ukoll f’pajjiżi ġirien u fil-komunitajiet li qed jospitawhom fit-Turkija, il-Lebanon, il-Ġordan u l-Iraq.
Il-kriżijiet ekonomiċi u umanitarji fis-Sirja u s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien qed tkompli sejra lura. L-għajnuna finanzjarja mwiegħda minn Malta u stati membri oħrajn hija parti minn sforz Ewropew sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni umanitarja li qed tkompli sejra lura.
L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea lill-poplu tas-Sirja għall-2024 u l-2025 tħabbret waqt it-tmien edizzjoni tal-Konferenza ta’ Brussell bit-tema ‘Nappoġġjaw il-futur tas-Sirja u r-reġjun’, li saret fi Brussell, it-Tnejn filgħaxija. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u r-Rappreżentazzjoni ta’ Malta għall-UE ħadu sehem f’din il-laqgħa f’isem Malta.
Waqt il-laqgħa, Malta tenniet l-impenn determinat tagħha għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà f’dan ir-reġjun, filwaqt li enfasizzat l-importanza li jerġa’ jitlaqqa’ l-Kumitat Kostituzzjonali, pass ewlieni fil-proċess politiku ffaċilitat min-Nazzjonijiet Magħquda.
Ritratt: MFET