Malta ngħaqdet ma’ stati membri oħra tan-Nazzjonijiet Uniti u ffirmat trattat bl-ambizzjoni li d-dinja tkun ħielsa minn armi nukleari jiem biss wara l-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju mill-bumbardamenti atomiċi ta’ Hiroshima u Nagasaki.
Vanessa Frazier, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta lin-Nazzjonijiet Uniti ffirmat it-trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari (TPNW) f’isem il-gvern Malti wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ddelega s-setgħa lilha f’ċerimonja li saret fl-24 ta’ Awwissu, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Għaldaqstant Malta saret l-84 stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti li ffirmat it-trattat li tenfasizza l-impenn bla waqfien ta’ Malta lejn in-non-proliferazzjoni nukleari u l-ħidma sabiex tinkiseb il-prosperità permezz tal-paċi.
Fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, intqal kif Malta temmen li l-isforzi kontinwi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni u d-diżarm għandhom ikunu immirati lejn il-kisba ta’ dinja ħielsa mill-armi nukleari.
Fost oħrajn, dan it-trattat jipprojbixxi il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasferiment, l-istazzjonar u t-theddida tal-użu ta’ armi nukleari. Dan filwaqt li jipprojbixxi ukoll l-iskjerament ta’ armi nukleari fit-territorju nazzjonali u l-għoti ta’ għajnuna lil kwalunkwe stat fit-twettiq ta’ attivitajiet projbiti.
Minkejja, li jeżistu trattati oħra li jipprojbixxu numru kbir ta’ armi perikolużi, dan it-trattat partikolari huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li jitlob il-projbizzjoni tal-armi nukleari.
L-istqarrija temmet tgħid li Malta tittama li t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari jkun jista’ jidħol fis-seħħ dalwaqt, hekk kif 50 stat membu tan-NU jkunu rratifikawh.