Fis-63 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-istatus tan-nisa tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, għamel sejħa sabiex l-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġi applikat fuq livell dinji. Din il-kampanja għat-twessigħ tal-iskop ġeografiku tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul kienet imnedija minn Franza aktar kmieni waqt din l-istess sessjoni, u Malta hija l-ewwel pajjiż aderenti għaliha.
Kien proprju waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li b’riżultat ta’ negozjati twal, l-Unjoni Ewropea saret firmatarja ta’ din il-Konvenzjoni li tipproteġi lin-nisa minn kull forma ta’ vjolenza abbażi ta’ ġeneru u lil kull persuna kontra vjolenza domestika. Waqt l-intervent tagħha, il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-inizjattivi li ħadet Malta biex tiġġieled il-vjolenza abbażi ta’ ġeneru u l-vjolenza domestika wara li rratifikat din il-konvenzjoni fostom permezz ta’ liġi u strateġija dedikata. Hi tkellmet dwar il-bżonn li kull mara, rrispettivament minn liema parti tad-dinja qiegħdha fiha, għandha jkollha din il-protezzjoni u għaldaqstant il-bżonn li jkun hemm konvenzjoni ekwivalenti adottatta minn Nazzjonijiet Uniti.
B’referenza għat-tema tas-sessjoni ta’ din is-sena #BalanceforBetter, Dr Dalli rrimarkat li dan huwa kunċett fil-qalba tal-politika tal-Gvern Malti. Il-Ministru rreferiet partikolari għal ħidma tal-gvern maħsuba sabiex iżżid ir-rapreżentanza tan-nisa f’kull qasam tas-socjetà, b’mod partikolari fil-Parlament permezz ta’ miri preċiżi. Hija esprimiet is-sodisfazzjoni għal sondaġġ riċenti li juri li l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti jaqbel ma’ din l-inizzjattiva. Il-Ministru semmiet ukoll il-miżura li permezz tagħha 40% tal-postijiet fuq bordijiet tal-Gvern se jkunu riservati għan-nisa u l-irġiel rispettivament.
Il-Ministru Dalli semmiet ukoll il-konsultazzjoni pubblika li nediet f’Jum il-Mara bit-tema, ‘Lejn Qafas għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri’, bil-għan li titfassal strategija nazzjonali dedikata għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tal-ħajja. Il-ħsieb hu li jkun hemm kemm l-emedi leġiżlattivi meħtieġa biex titneħħa kull forma ta’ trattament differenti bejn is-sessi kif ukoll biex nipproteġu lin-nisa u l-irġiel kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluż differenzi fil-pagi għal xogħol tal-istess valur.
Dr Dalli kkonkludiet billi tenniet l-impenn tal-gvern li jkompli jaħdem b’mod sistematiku sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi issir realtà u l-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel jintlaħaq kemm fid-dar u fil-ħajja privata u kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja pubblika.