#WashYourCyberHands.
Dan huwa l-isem ta’ kampanja internazzjonali tal-Interpol, li fiha qed jieħdu sehem is-Cyber Security Malta flimkien mal-Korp tal-Pulizija Malti.
Din il-kampanja qed toħloq kuxjenza dwar is-sigurtà diġitali. Dan hekk kif il-pandemija tal-Coronavirus ġabet żieda tad-data, frodi online u aktar tfixkil fid-dinja virtwali.
Il-Kap tal-Informazzjoni tal-MITA Efrem Borg qal kif f’dan iż-żmien il-kampaniji qarrieqa żdiedu, fejn anke qed jintużaw riklami relatati mal-COVID-19, li jkunu qarrieqa.
“Aħna flimkien mal-forzi tal-ordni mas-Cyber Crime Unit u wkoll ma’ kumpaniji internazzjonali nikkolaboraw flimkien biex infasslu awareness campaign għal pubbliku inġenerali, però anke għas-settur privat biex ikunu jistgħu jilqgħu u jkunu preparati għal dawn l-isfidi ta’ cyber security.”
L-ispettur Timothy Zammit qal li l-għan wara din il-kampanja jmur lil hinn minn COVID-19, u se tagħti informazzjoni biex tkun miġġielda il-kriminalità fuq l-internet.
“Id-dinja diġitali hija xi ħaġa li ma nistgħux naħarbu minnha. Kampaniji bħal dawn għandhom effett fit-tul. L-iskop wara din il-kampanja mhux biss li nnaqsu l-kriminalità fil-preżent imma li nkabbru l-kunfidenza tan-nies fl-użu tat-teknoloġija.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali spjega kif il-Gvern qed jinvesti ħafna biex iżomm lil kulħadd sigur, mhux biss minn perspettiva ta’ saħħa iżda anki fuq livell diġitali.
“Bħala pajjiż għandna strateġija sabiex b’hekk nassiguraw cyber security tal-ogħla livell għal dawk il-persuni kollha li jkunu qed jagħmlu użu mill-internet u anke mid-dinja diġitali.”