Malta ngħaqdet ma’ 31 pajjiż ieħor f’koalizzjoni, li qed titlob għal pawża bħala prekawzjoni fit-tħaffir f’qiegħ il-baħar biex jiġu estratti riżorsi minerali.
L-appell ta’ pajjiżna twassal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, li hu wkoll iċ-Chairperson tal-OSCE, waqt id-29 Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar, li saret f’Kingston, il-Ġamajka, fil-jiem li għaddew.
Din it-talba qed issir sakemm ikun hemm qafas regolatorju b’saħħtu biex iħares l-ambjent naturali fl-ibħra internazzjonali u jkun hemm biżżejjed għarfien xjentifiku u b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet iżjed informati.
F’kummenti dwar dan l-iżvilupp, il-Ministru Malti qal li qiegħ il-baħar hu wieħed mill-akbar habitats, li fih insibu madwar miljun speċi differenti, waqt li tenna li l-espansjoni tat-tħaffir għall-estrazzjoni tar-riżorsi naturali fl-aktar partijiet fondi huma theddida li qed tiżdied għal bijodiversità mill-aktar fraġli u fejn l-impatti jistgħu jkunu kbar u irriversibbli.
B’hekk, il-Ministru temm jgħid li hu, għalhekk, li Malta qed tingħaqad ma’ koalizzjoni dejjem tikber ta’ pajjiżi, xjenzati, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji privati li qed jitolbu għal pawża ta’ prekawzjoni minn dan it-tħaffir.