Fi Brussell, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza laqgħa bit-tema ‘The island regions and the upcoming EU legislative cycle’, waqt il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Ibliet li huwa avveniment annwali bbażat fi Brussell iddedikat għall-politika ta’ koeżjoni.
Dan l-avveniment joffri pjattaforma fejn jiġu diskussi sfidi komuni għar-reġjuni u l-ibliet Ewropej, billi tlaqqa’ flimkien komunità diversa ta’ kelliema u parteċipanti.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Camilleri saħaq li l-isfidi għal gżejjer jew reġjuni fil-periferija tal-Unjoni Ewropea qegħdin kulma jmorru jkunu aktar speċifiċi u għaldaqstant jeħtieġu miżuri u inizjattivi apposta biex dawn l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet, bil-għan li tissaħħaħ l-ekonomija, it-tessut soċjali u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorju rispettiv.
“Filwaqt li f’Għawdex illum nitkellmu dwar rata ta’ qgħad baxxa, u dan grazzi għall-viżjoni u d-determinazzjoni tal-Gvern li inċentiva l-ekonomija f’Għawdex, mhux l-istess jista’ jingħad għal reġjuni oħra madwar l-Ewropa fejn hemm diskrepanzi kbar bejn ir-rati tat-tkabbir li jesperjenzaw l-ibliet kumparat mar-reġjuni fil-periferija,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru appella biex l-Unjoni Ewropea tkompli ssegwi mill-viċin dan l-iżvilupp, imma aktar minn hekk tindirizza dawn l-isfidi u toffri soluzzjonijiet tanġibbli peress li l-Unjoni Ewropea hi msejsa fuq it-tisħiħ u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha f’kull sfera, inkluż it-tkattir tal-ġid komuni, anke fir-reġjuni fil-periferija.