Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u għamel ċara l-pożizzjoni ta’ pajjiżna.
“Malta mxiet u se tkompli timxi mar-regoli kollha internazzjonali. Għamilna hekk din il-ġimgħa u se nkomplu ngħamlu hekk. Dan nissostaznjawh b’fatti dokumentati,” qal Joseph Muscat f’kollegament fuq ONE Radio fejn fisser kif is-salvataġġ tal-ħajjiet jibqa’ prijorità.
“Huwa importanti li kulħadd jimxi mar-regoli. Il-gvernijiet u l-organizazzjonijiet u dan huwa punt li naħseb li l-gvernijiet Ewropej jaqblu miegħu,” żied Joseph Muscat li emfasizza għal iktar minn darba l-bżonn li r-regoli jkunu segwiti minn kulħadd.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif l-interess tal-gvern Malti hu li jkollu l-aħjar relazzjoni ma’ dak Taljan. “M’għandniex għalfejn ma jkollniex relazzjonijiet tajbin,” qal Joseph Muscat li fisser kif l-interessi taż-żewġ pajjiżi fuq din il-kwistjoni u kwistjonijiet oħra huma identitiċi.
“Dak li nħares lejh hu li nibnu relazzjonijiet. Fejn seta’ kien hemm nuqqas ta’ ftehim niċċarawhom għax l-interess ta’ pajjiżna hu li jkollna l-aħjar rapport mal-ġirien kollha tagħna,” qal Joseph Muscat.
Tkellem dwar kif dejqitu r-reazzjoni ta’ xi wħud f’pajjiżna li setgħet kienet reazzjoni razzista.
“Mhux se nħalli min jinqeda bi kwistjonijiet simili biex ixerred ir-razziżmu,” qal Joseph Muscat. Tenna li hu se jara li l-interess ta’ Malta għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox imma din il-pożizzjoni m’għandha qatt tintrikeb minn min irid irewwaħ il-mibegħda u r-razziżmu.