Malta laqgħet ir-riżultat tal-laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Enerġija li vvutaw fuq il-proposta għal Reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u dik dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, laqgħet il-pożizzjoni favur dawn ir-reviżjonijiet, filwaqt li saħqet dwar il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tkun assiguarata l-kompetittività ta’ pajjiżna.
Dawn id-direttivi jiffurmaw parti mill-pakkett Fit for 55, il-pakkett li jindirizza t-tibdil fil-klima. Il-Kunsill appoġġja dawn l-elementi li għandhom x’jaqsmu direttament mal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, kruċjali biex l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-emissjonijiet.
“Bl-ambizzjoni akbar li għandha l-Unjoni Ewropea, u Malta, rridu nnaqqsu d-dipendenza tal-pajjiżi fuq il-fossil fuels, sors ta’ enerġija li huwa impurtat u jniġġes. Li ninvestu fl-enerġija rinnovabbli mhux biss isaħħaħ lindipendenza tal-pajjiż imma nkunu qed nimxu aktar eqreb lejn ekonomija li ma tniġġisx”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Dalli stqarret li filwaqt li pajjiżna jappoġġja l-ambizzjoni u l-viżjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan ilqasam, Malta ħadet ħsieb li setturi sensittivi u kruċjali għall-ekonomija ta’ Malta f’dan iż-żmien ta’ rkupru, bħal dak marittimu u tal-avjazzjoni, ma jintlaqtux ħażin.
Miriam Dalli spjegat ukoll li Malta tista’ sservi bħala testbed għal investimenti f’enerġija rinnovabbli offshore fuq skala kbira. Għal dan il-għan, il-Ministru Dalli ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin tiffinanzja proġetti bħal dawn, fejn l-opportunitajiet li jeżistu huma bbażati fuq teknoloġija li tiswa ferm aktar minħabba li l-pajjiż qed iħares lejn floating offshore renewable technology.
“Biex il-Pakkett Fit for 55 jkun implimentat b’suċċess, l-Unjoni Ewropea trid tiżgura tranżizzjoni xierqa li tqis ukoll l-aspett soċjali, partikolarment fejn jidħlu konsumaturi vulnerabbli”, qalet il-Ministru Dalli.