Qed titlaqqa’ f’pajjiżna d-disa’ konferenza tal-ministri għall-edukazzjoni mill-Ewropa u l-Ażja, magħrufa bħala ASEM Education Ministers’ Meeting.
Din il-konferenza mifruxa fuq jumejn qed tiddiskuti diversi suġġetti marbutin mat-tema ċentrali “Leaving No One Behind”.
Fl-ewwel jum tagħha, il-konferenza ffokat fuq l-appoġġ tar-rilevanza tal-edukazzjoni madwar id-dinja biex dan is-settur mhux biss jipprovdi opportunitajiet liż-żgħażagħ, imma jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-innovazzjoni u t-tkabbir u l-iżvilupp tal-kapital uman. Għanijiet li jistgħu jintlaħqu bit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi kollha.
F’messaġġ tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, saħaq kemm din hi konferenza li se tagħti opportunità għal riflessjoni u wkoll biex ikun hemm bdil ta’ ideat dwar kif is-settur edukattiv jista’ jservi ta’ aġent għall-bidla.
Hu enfasizza li kulħadd għandu jiffoka biex niżguraw li t-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti kollha jkollhom l-opportunità li jiksbu l-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex ikunu ċittadini attivi.
Ma’ ONE News, il-Ministru tenna li, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, għandna nġeddu l-valuri komuni u nkomplu bil-ħidma tagħna għal viżjoni li dwarha naqblu lkoll kemm aħna, li l-edukazzjoni tista’ u għandha sservi bħala għodda għall-ġid komuni.
“Irridu nassiguraw li d-diversi pajjiżi li ħadu sehem f’din il-konferenza jagħtu aċċessibilità għall-edukazzjoni ta’ kwalità u fuq kollox kif bħala sistemi edukattivi li huma differenti, mhumiex identiċi, imma rridu naħdmu id f’id biex nagħrfu s-saħħa ta’ xulxin u iva naraw li s-sistemi edukattivi tal-pajjiżi tagħna jkunu tali li kapaċi jilqgħu għall-isfidi li ġġib dinja li qed tinbidel b’mod kontinwu u dawk l-isfidi nibdluhom f’opportunitajiet.”
Il-Ministru Clifton Grima