Matul il-Kunsill tal-Ministri għas-Saħħa fi Brussell, li għaliha qed jattendi l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ġew diskussi l-konklużjonijiet li jwittu t-triq għall-viżjoni Ewropea marbuta mad-donazzjonijiet u t-trapjanti tal-organi.
Il-Ministru Jo Etienne Abela fl-intervent tiegħu qal kif Malta, fix-xhur li ġejjin, ser tkun qed tniedi proċess ta’ konsultazzjoni miftuħa biex tikkonsulta l-liġi preżenti u tevalwa r-rakkomandazzjonijiet imsemmija.
Dr Abela tenna li bħal oqsma oħra fis-settur tas-saħħa, għandna naħdmu flimkien fejn jidħol l-aspett politiku kif ukoll l-aspett kliniku, biex niżguraw li qed issir ħidma għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej.
Il-Ministru spjega kif din il-konsultazzjoni ser tkun qed tiġi proposta bil-għan li tiġi aġġustata l-liġi preżenti għal waħda li tħaddem sistema ta’ ‘Opt-out’ għal donazzjonijiet ta’ organi. Dr Abela żied jgħid li l-Ministeru qed jikkunsidra l-prassi ta’ Donation after Circulatory Death (DCD), li f’pajjiżi fejn qed titħaddem, żiedet in-numru ta’ trapjanti b’ħamsa u għoxrin fil-mija.
“Il-mediċina tat-trapjanti toffri kwalità tal-ħajja superjuri lill-persuni li għandhom bżonn l-organi, u l-Gvern lest li jagħmel dak kollu li hemm bżonn sabiex ħadd ma jibqa’ lura,” temm jgħid il-Ministru Abela.