Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem fil-laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li saret illum b’mod virtwali. F’din il-laqgħa ġie diskuss kif l-Unjoni Ewropea se timxi ’l quddiem dwar id-Digital Green Certificate wara li dan kien approvat mill-Kunsill Ewropew.
Il-proposta għal regolament dwar dan iċ-ċertifikat taħseb għal qafas legali fl-Unjoni Ewropea bil-għan li tinħoloq sistema waħda biex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni bejn l-istati membri. Wara li l-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu, huwa mistenni li fi żmien qasir jibdew in-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
Fl-intervent tiegħu s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tal-Gvern Malti għall-approvazzjoni ta’ Digital Green Certificate mill-Kunsill Ewropew u fisser dan bħala azzjoni ewlenija importanti fl-isforzi kontra l-effett tal-Covid-19.
Huwa appella biex jinżammu ċerta elementi ta’ flessibiltà li hemm fil-pożizzjoni li ħa l-Kunsill biex ikunu jistgħu jsiru xi emendi jekk ikun hemm żviluppi xjentifiċi li bħalissa għadhom mhux magħrufa. Aktar minn hekk, ċertu elementi marbuta mal-kompetenzi u l-prerogattivi tal-istati membri għandhom jinżammu wkoll minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tat-tixrid tal-virus mhijiex l-istess fl-Istati Membri kollha.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ddiskuta wkoll x-xogħol li qed isir mit-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza fuq il-Futur tal-Ewropa.Il-konferenza qed titqies bħala eżerċizzju wiesgħa u inklussiv, bil-għan li ċittadini mill-Unjoni Ewropea minn kull qasam tal-ħajja iwasslu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa ħalli dawk li jfasslu l-politika jkunu ggwidati. F’dan ir-rigward diġà tnediet pjattaforma diġitali b’diversi lingwi bil-għan li ttella’ online attivitajiet organizzati minn dawk interessati fl-istati membri kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li Malta qiegħda tipprepara għal din il-konferenza u ser taħdem bis-sħiħ biex iċ-ċittadini Maltin ikunu fil-qalba ta’ dan l-eżerċizzju ta’ diskussjoni iffukata fuq ir-realtajiet taċ-ċittadini, il-ħtiġijiet, u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mistennija tibda fid-9 ta Mejju li ġej.