B’insistenza ta’ Malta, waħda mill-konklużjonijiet tas-Summit tal-Kunsill Ewropew, li sar bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa fi Brussell, qed titlob li jitħaffu n-negozjati dwar il-Pakkett tal-Farmaċewtika li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea.
Waqt is-Summit bejn il-mexxejja Ewropej ħa sehem il-Prim Ministru Robert Abela.
Dan il-pakkett jaħseb biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċini jiftħu l-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi tagħhom għall-pazjenti f’kull Stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, f’kuntest ta’ suq żgħir bħal ta’ Malta, jiżdied l-aċċess għall-mediċini.
F’kummenti mal-midja wara dan is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon il-fatt li Malta wasslet biex dan il-prinċipju jissemma bħala parti mill-konklużjonijiet ta’ din il-Laqgħa Għolja.
“Ninnota b’sodisfazzjon li fil-konklużjonijiet normali tal-Kunsill issa hemm direzzjoni ċara biex jingħalqu n-negozjati dwar il-pakkett għall-farmaċewtika illi mexxiet ’il quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa suġġett illi ħdimna ħafna dwaru f’dawn l-aħħar xhur u għalhekk sodisfatt immens b’din il-konklużjoni. Dan il-pakkett tal-farmaċewtika jfisser illi l-kumpaniji li jipprovdu l-mediċina se jkollhom l-obbligu fuqhom illi jipprovdu aċċess għall-mediċini tagħhom lill-iswieq kollha tal-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan se jkun ifisser, allura, aktar aċċess għall-mediċini għall-pazjenti tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li kkollaborat ma’ Malta u fehmet ir-realtajiet ta’ pajjiżna.
Dr Abela sostna li jeħtieġ li fuq livell Ewropew inkunu ggwidati minn prinċipji ċari biex nibqgħu nistimulaw it-tkabbir ekonomiku.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ il-kompetittività filwaqt li tassigura li n-negozji kollha, anki dawk medji u żgħar, flimkien maċ-ċittadini, ikomplu jgawdu b’mod ġust mill-benefiċċji tas-Suq Uniku Ewropew
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar oqsma strateġiċi għas-suq ta’ pajjina u tal-Unjoni Ewropea, bi żvilupp ta’ prodotti teknoloġiċi innovattivi, bħall-investiment tal-ST Microelectronics, li għadu kif ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Dan se jħalli valur miżjud fl-ekonomija.
Kompla jisħaq fuq l-importanza tas-Suq Ħieles, li jkompli jagħti l-opportunità lil Malta biex tkompli tikber f’oqsma diġitali bħall-Gaming, settur li l-gvern Malti kompla jsaħħu b’leġiżlazzjoni li tipproteġi l-ġuriżdizzjoni Maltija f’dan il-qasam.
“Is-settur kollu wiesa’ tas-servizzi finanzjarji huwa wieħed mill-pillastri ewlenin tal-ekonomija tagħna u nemmen b’mod b’saħħtu li, anki fil-kuntest tal-ekonomija tagħna, irridu nibqgħu nipproteġuh b’saħħa u dan ngħidu wkoll anki mbagħad fil-kuntest ta’ sfidi internazzjonali li għandna ġejjin fuqna, anki fix-xhur li ġejjin. Waħda minnhom tibqa’ dik tal-minimum tax rate li se tkun qed tiddaħħal fis-seħħ fix-xhur li ġejjin u bħal ma’ pajjiżna dejjem ta sinjal ċar li dan huwa settur illi jridu u jridu b’mod b’saħħtu, hekk ukoll se nkunu qed nagħmlu dak kollu li huwa possibli biex inżommu lill-pajjiżna wieħed attraenti biex dawn is-setturi partikolari, fosthom gaming, iGaming, insomma s-servizzi finanzjarji b’mod ġenerali jibqgħu bbażati f’pajjiżna, jibqgħu jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom ġewwa pajjiżna u jibqgħu jifmhu li pajjiżna huwa ġuridiżjoni serja, reputabbli u li jaqblilhom li jibqgħu lokali ġewwa pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fi Brussell, Dr Abela tkellem ukoll fuq il-ħtieġa tat-tisħiħ ta’ koperazzjoni ekonomika ma’ sħab internazzjonali differenti u semma wkoll il-ħidma importanti li trid issir dwar provvista ta’ enerġija nadifa bbażata fuq ir-rinnovabbli li tilqa’ għal sfidi futuri fis-settur. Dan fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija li qed taffaċċja l-Ewropa, kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-Mediterran li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa. Irrimarka wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU, li approvat mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa. Wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li pajjiżna jkompli jiddiversifika fil-provvista tal-enerġija.
Dwar il-migrazzjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar soluzzjonijiet ħolistiċi biex tkun trattata din l-isfida. Huwa nnota l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li tisħaq fuq dak li ilha tgħid Malta dwar koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran, inkluż bi proġetti ta’ enerġija rinovabbli.
Il-Prim Ministru sostna dwar l-importanza tat-taħdidiet mal-Libja u t-Tuneżija, hekk kif qal li s-soluzzjoni għall-immigrazzjoni rregolari mhiex f’nofs ta’ baħar iżda fil-punt tat-tluq. Saħaq li proġetti fejjieda f’dawn il-pajjiżi jagħrfu l-potenzjal biex nies jibqgħu jgħixu f’dawn il-pajjiżi.
Fil-bidu tas-Summit ġiet diskussa t-tema tas-sigurtà u d-difiża, fejn Malta saħqet li l-koperazzjoni man-NATO fil-livell Ewropew għandha ssir b’rispett sħiħ lejn il-karatteristiċi tal-politika tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri kollha.
Fuq it-tema tal-mexxejja Ewropej kien hemm ukoll ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, fosthom b’diskussjoni dwar iċ-Ċina.