Malta laħqet il-miri allokati lilha fil-programm Europe for Citizens immirat sabiex jgħin liċ-ċittadini Maltin isaħħu l-valuri u t-tagħrif tagħhom relatat mal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ waqt il-konferenza annwali tat-tmiem is-sena għal dan il-programm. Konferenza li l-għan tagħha huwa li tkompli tgħarraf lill-għaqdiet mhux governattivi u Kunsilli Lokali bl-opportunitajiet diversi li jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom grazzi għal dan il-programm.
Id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Natalino Attard spjega x’opportunitajiet jinkludi l-programm Europe for Citizens.
Attard spjegat: “Proġetti fejn iċ-ċittadini permezz ta’ eżempju twinning, ġemellaġġi bejn lokalità Maltija u lokalità barranija jaqsmu bejniethom esperjenzi, kulturi, diversità u għalhekk iċ-ċittadin iħossu verament ċittadin ewropew għax waħda mid-diffikultajiet li għandna fiċ-ċittadini Ewropej il-fiduċja tagħhom fl-istituzzjoni Ewropea hija nieqsa hija għaliex iċ-ċittadin mhux jibbenefika jew iħossu jieħu xi ħaġa mill-programmi tal-Unjoni Ewropea.”
Preżenti għal din il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li hekk kif issa kważi wasal fi tmiemu l-baġit 2014 /2020, il-Kunsilli Lokali, ir-Reġjuni u l-għaqdiet mhux governattivi għandhom iħejju ruħhom sew sabiex malli jitlestew in-negozjati u jiskatta l-budget il-ġdid jibdew jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffri mingħajr ebda xkiel.
Dr Farrugia sostna: “Bħalissa qed ninnegozzjaw il-pakkett ta’ fondi għas-seba’ snin li ġejjin u flimkien mal-NGO’s u mal-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni llum tkellimt dwar kif għandhom jippreparaw fiż-żmien li ġej. Jiġifieri li jkollhom l-HR lest u preparat imma wkoll l-ideat li jibdew jibnu minn issa u mhux tard meta toħroġ l-applikazzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li grazzi għal dawn il-fondi u programmi jistgħu jibbenefikaw ukoll il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
L-Onor Parnis qal: “Hemm ħafna flus għall-Kunsilli Lokali tagħna imma mhux kulħadd ikun lest li jipparteċipa u jiena persważ li jekk jipparteċipaw ikunu jistgħu jagħmlu bidla fil-lokalitaijiet tagħna.”