Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħqet ftehim mat-tliet istituzzjonijiet ewlenin Ewropej: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
Huwa ftehim dwar Wifi4EU- kunċett imħabbar f’Settembru elfejn u sittax, li se jara ċittadini Ewropej jibbenefikaw minn servizz ta’ wifi b’xejn fi pjazez, parks, sptarijiet, u kull spazju pubbliku madwar l-ibliet Ewropej.
B’hekk, se jkun imsaħħaħ il-kunċett ta’ suq uniku diġitali.
B’kollox se jkunu investiti €120 miljun li se jitqassmu f’madwar tmint’elef żona differenti fl-Istati Ewropej kollha. Dawn huma fondi li awtoritajiet lokali jistgħu japplikaw għalihom fiż-żmien li ġej biex jinxtara l-apparat kollu meħtieġ, u biex jitħallas il-wifi innifsu.
Il-Ministru Malti għall-Kompetittività Emmanuel Mallia wera sodisfazzjon għall-ftehim bejn il-Presidenza u l-Awtoritajiet Ewropej, li se jħeġġu l-użu ta’ servizzi diġitali madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Spjega kif il-fondi offruti se jkunu allokati b’mod ġeografikament bilanċjat, u fuq bażi first-come first-serve, u li issa, l-Istati Ewropej se jaħdmu biex din l-iskema tidħol fis-seħħ mill-aħħar tal-elfejn u sbatax.
iktar ibliet biżlin sal-iktar villaġġi remoti. Iżda, il-Viċi President tas-suq diġitali fl-Ewropa, Andrus Ansip, qal li dan huwa biss l-ewwel pass lejn konnettività tal-ogħla kwalita madwar it-territorju Ewropew.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker qal li din kienet viżjoni tal-Istati Ewropej biex sal-elfejn u għoxrin kull belt u villaġġ fl-Ewropa jkollu aċċess b’xejn għall-internet.
Ewropa kompetittiva u konnessa kienet prijorità tal-Presidenza Maltija. filfatt tul dan il-perjodu, kien ukoll iffinalizzat il-ftehim dwar il-giljottina fuq ħlas tar-roaming bil-mobile meta wieħed isiefer fl-Ewropa stess. Dan se jiġi fis-seħħ mill-ħmistax ta’ Ġunju li ġej.