Bejn l-2023 u l-2024 Malta se jkollha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda wara li ftit ħin ilu fi New York ġabet 185 minn 190 vot, li tfisser iżjed miż-żewġ terzi li pajjiż irid iġib sabiex ikollu dan is-siġġu prestiġġjuż.
Pajjiż irid iġib mill-anqas 129 vot minn 193 membru tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Flimkien ma’ Malta, mir-reġjun Ewropew hemm ukoll l-Iżvizzera. Dan filwaqt li mir-reġjuni l-oħra ġew eletti l-Ġappun, il-Mozambique u l-Ekwador.
Tul il-kampanja internazzjonali tiegħu biex jiġi elett, pajjiżna saħaq fuq suġġetti importanti, fosthom is-sigurtà, is-sostenibilità u s-solidarjetà.
Malta saret membru tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-1964, fis-sena meta Malta saret indipendenti.
L-aħħar u l-unika darba li Malta kellha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, qabel is-sentejn li ġejjin, kien kważi erbgħin sena ilu, fil-perjodu ta’ sentejn bejn l-1983 u l-1984.
Intant, b’rabta ma’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela fuq Twitter stqarr kif din hija opportunità għal Malta biex tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-paċi fid-dinja.
Honoured to see #Malta elected with a strong vote in the #UNSC. Serving on the Council of @UN provides Malta a significant opportunity to contribute to the maintenance of global peace and security. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) June 9, 2022
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg ddeskriva din l-aħbar bħala ġurnata storika.