Is-Suq Waħdieni jrid jindirizza l-isfidi iżda fuq kollox jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea u l-intrapriżi li jaħdmu fih.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
“Li ħadt pjaċir kien li ddiskutejna dawk it-temi li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies u dak huwa li nemmen li għandha tkun dejjem l-Unjoni Ewropea, fejn niddibattu dak li jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies, jekk hux qed nitkellmu n-nies ta’ kull livell, in-negozji, dik li rridu nkunu. Għalhekk l-importanza tad-deċiżjonijiet li se jittieħdu fit-8 ta’ Ġunju u għalhekk l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nies.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tgħid li l-konklużjonijiet ewlenin minn dan il-Kunsill dwar il-kompetittività u s-Suq Waħdieni, jinkludu fihom il-pożizzjonijiet konsistenti li ħa pajjiżna.
Dan jinkludi Suq Waħdieni ġust għal kulħadd fosthom fil-qasam tal-mediċini u anki l-importanza li intrapriżi żgħar u medji jkomplu jimirħu. Il-Kunsill qabel favur aktar simplifikazzjoni ta’ proċeduri minn awtoritajiet li jmissu magħhom in-negozji u l-mira hi li l-burokrazija f’dan ir-rigward tonqos b’25%.
F’dan il-Kunsill, il-mexxejja Ewropej qablu biex l-intrapriżi jkollhom operat iżjed sostenibbli fl-ambjent u jmexxu ’l quddiem il-qalbiet diġitali u ambjentali.
F’dan il-Kunsill, l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li tqabbad mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel rapport fuq is-Suq Waħdieni, ippreżenta r-rapport tiegħu.
“Rapport li fih kważi 150 faċċata li issa se nkunu qed nanalizzawh, hemm diversi rakkomandazzjonijiet, li se nkunu qed nanalizzaw, pero, se nkunu qed immorru għand l-MCESD, jiġifieri fl-analiżi ta’ dan id-dokument se mmorru fi ħdan l-MCESD. Nemmen ħafna f’dan il-forum konsultattiv, hemmhekk nieħdu l-parteċipazzjoni u l-veduti tal-imsieħba soċjali u nemmen li dan huwa l-mod li għandna mmexxu d-djalogu ġewwa pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li f’oqsma differenti bħall-enerġija u l-aċċess għall-mediċina, is-Suq Waħdieni jrid juri tabilħaqq li qiegħed hemm għal kulħadd b’mod ekwu, inkluż għal Stati Membri żgħar u fil-periferija tal-Ewropa, bħal ma’ hu pajjiżna Malta.
“Fejn qed nitkellmu dwar Suq Waħdieni, fejn suppost għandek aċċess ugwali għal kull ċittadin mis-27 stat membru, imma mbagħad ġewwa pajjiżna għandna realtà partikolari fejn jidħol l-aċċessibilità u hemmhekk fejn nemmnu li s-Suq Waħdieni jista’ jaħdem aħjar u hemmhekk ukoll l-enfasi kontinwa tagħna biex verament it-tisrif tas-Suq Waħdieni u japplikaw ukoll fejn jidħlu l-mediċinali u nemmen ukoll li hemmhekk għamilna progress li hu wieħed sostanzjali u eventwalment naslu fejn nixtiequ aħna. Il-kwistjoni tal-one-size-fits-all, dejjem tkellimna aħna li ma tistax titratta lil Malta biex nagħti eżempju, li hija gżira, għandha l-fenominu tal-insularità tista’ fil-periferija ta’ Unjoni Ewropea, tinsab fil-Mediterran, għandna realtajiet partikolari u trid titratta bl-istess mod titratta lill-ikbar ekonomija u l-ikbar pajjiż tal-Unjoni Ewropea u sodisfatt hemmhekk, li dan il-prinċipju qiegħed jinftiehem.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan is-Summit, li beda li l-Ħamis filgħaxija, il-mexxejja Ewropej ikkundannaw l-attakk Iranjan fuq Iżrael.
Il-Prim Ministru Malti tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur il-paċi u l-waqfien permanenti mill-ġlied, anki b’konformità ma’ riżoluzzjonijiet addottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li bħalissa għandna l-Presidenza tiegħu. Dr Abela tkellem kontra l-esklazzjoni tal-ġlied fil-Lvant Nofsani, anki minħabba l-periklu li l-kunflitt ikompli jinfirex wara l-aħħar tensjonijiet bejn l-Iran u l-Iżrael.
Sadanittant, il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, mhux biss b’rabta ma’ koperazzjoni kummerċjali iżda anki fuq kwistjonijiet ġeo-politiċi li jolqtu stati membri bħall-Greċja u Ċipru.
Key #EUCO decisions on European competitiveness & the Single Market. Equal access for all Europeans to Single Market benefits & commitment to competitive decarbonisation for businesses. – RA pic.twitter.com/hu0pgGwNiB
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) April 18, 2024