Waqt il-laqgħa urġenti tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, iI-Gvern Malti nnegozja b’suċċess deroga oħra għal Malta minn liġi Ewropea li tobbliga tnaqqis obbligatorju fl-użu tal-elettriku.
Din id-deroga ġiet innegozjata b’suċċess mill-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli.
Din id-deroga hija importanti għal Malta għaliex bħala pajjiż li jiddependi ħafna fuq l-elettriku u għalhekk jekk tonqos id-domanda tal-elettriku jfisser li jkun hemm impatt negattiv fuq il-familji u n-negozji.
Din hija t-tielet deroga li Malta kibset fil-qasam tal-enerġija.
Qabel il-laqgħa tal-Ġimgħa, f’Lulju li għadda, il-Kunsill tal-Enerġija qabel ma’ tnaqqis mandatorju ta’ 15% fil-konsum tal-gass. Hawnhekk Malta kkonvinċiet lill-Kummissjoni Ewropea li ma titgħabbiex b’dan l-obbligu.
Dan filwaqt li s-sena li għaddiet, Malta nnegozjat deroga oħra li permezz tagħha l-pipeline tal-gass baqa’ jikkwalifika bħala proġett ta’ interess komuni.
Dan l-aħħar pakkett ta’ proposti mill-Kummissjoni Ewropea huwa intiż li jipprova jtaffi l-problema ta’ provvista li qed tiffaċċja l-Ewropa, speċjalment fix-xhur tax-xitwa.
Minkejja li Malta kisbet dawn id-derogi, il-Gvern huwa kommess li jkompli jħeġġeġ u jinċentiva lis-settur pubbliku, lis-settur privat u anki lid-djar biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tonqos il-ħela.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir fi Brussel, il-Ministru Dalli esprimiet l-appoġġ ta’ Malta favur soluzzjonijiet li jnaqqsu l-prezz tal-gass. Saħqet li dak li qed jiġi propost mhuwiex biżżejjed biex itaffi l-problema li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri. Għalhekk li Malta flimkien ma’ 14-il Stat Membru ieħor qiegħda tinsisti li għandu jkun hemm aktar soluzzjonijiet Ewropej biex jittaffa l-effett negattiv fuq kull pajjiż, inkluż Malta.