Malta kisbet deroga li se tagħti għajnuna diretta lill-bdiewa. Dan kien ikkonfermat f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura li saret f’Lussemburgu, li għaliha attenda l-Ministru Anton Refalo.
Hawnhekk saru diskussjonijiet dwar it-€3 miljun f’Appoġġ Akkoppjat Volontarju, li se jgħin lill-Gvern jilħaq il-miri tal-istrateġija tal-Farm to Fork. Strateġija li taħdem għal provvista iqsar u sigurtà akbar fis-settur.
Il-Ministri aċċettaw ukoll il-ftehim proviżorju dwar l-elementi ewlenin tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK), li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew. Il-pakkett il-ġdid għandu jkun strumentali biex jgħin lill-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom matul is-snin u jgħinhom ikomplu jipprovdu s-sigurtà tal-ikel.
Malta assigurat ukoll li d-definizzjoni taż-żoni rurali tkun determinata mill-istati membri fil-Pjan Strateġiku. B’hekk ikun żgurat li ż-żoni rurali ta’ Malta jkomplu jibbenefikaw mill-fondi għall-iżvilupp rurali u jindirizzaw ir-realtajiet territorjali tagħhom.
Il-Ministru Refalo qal,”Assigurajna wkoll id-definizzjoni ta’ żoni rurali biex tkopri lil Għawdex kollu u diversi lokalitajiet f’Malta biex jibqgħu koperti minn fondi tal-iżvilupp rurali. Akkwistajna wkoll flessibiltà li nibbefenikaw minn mekkaniżmu li miżuri ambjentali li nwettqu fit-tieni pilastru, jikkumpensaw għall-ekoskemi li jsiru fl-ewwel pilastru.”
Fl-istess ħin il-Kunsill adotta żieda ta’ kważi 1,500 tunnellata fl-allokazzjoni tal-ammont massimu ta’ tonn li jista’ jidħol fl-irziezet Maltin fl-istaġun ta’ din is-sena. Din kienet deċiżjoni li l-Gvern Malti nnegozja b’suċċess fix-xhur li għaddew.
Ritratt: MAFA