B’reazzjoni għall-aħħar żviluppi fl-Ukrajna, il-Prim Ministru Malti, Robert Abela qal li t-tensjoni fl-Ukrajna u l-intelliġenza dwar il-possibilità ta’ attakk militari ilha tippersisti u x-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied il-qalb.
“L-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukrajna u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom. It-triq li dejjem ħdimna fiha, jiġifieri dik tad-diplomazija biex naslu għal soluzzjoni u nissalvagwardjaw il-paċi bid-djalogu, hi r-rotta li konna u nibqgħu nippreferu”, qal il-Prim Ministru fi stqarrija.
Il-Prim Ministru Malti, flimkien mal-mexxejja Ewropej, se jiltaqgħu aktar tard illum fi Brussell, u se jibqgħu jagħtu l-appoġġ u solidarjetà mal-Ukrajna.
Huwa kkundanna kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-Istat.