Il-Ministru Ian Borg iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) Kitack Lim f’Londra.
Il-Ministru qal li Malta hija tabilħaqq sors ta’ appoġġ sod għall-programm tal-kooperazzjoni teknika, u hija kommessa li tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tkompli tiżviluppa programm bħal dan. Bħala turija tal-appoġġ kontinwu ta’ Malta għax-xogħol siewi tal-IMO, speċjalment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-Ministru Borg qal li Malta se tkun qiegħda tikkontribwixxi s-somma ta’ £10,000 għall-‘ITCP TC Global Programme on the effective implementation and enforcement of energy efficiency measures for ships’.
L-IMO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li tistipula standards globali għat-tbaħħir u hi responsabbli għas-sigurtà tat-tbaħħir kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ tniġġiż marittimu mill-bastimenti. Malta ilha membru mill-1996 u bħalissa għandha wkoll pożizzjoni fil-kunsill.
Il-Ministru Borg qal li Malta se tibqa’ tappoġġja b’mod sħiħ ix-xogħol tal-IMO u hija kommessa li tkompli tipparteċipa b’mod attiv fil-promozzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tal-organizzazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali Lim faħħar il-kontribut ta’ Malta u rrefera wkoll għall-Valletta Declaration, li tiddeskrivi d-direzzjoni strateġika li l-UE għandha tieħu sabiex tiżgura li l-industrija marittima tal-UE tibqa’ sostenibbli.
Is-Segretarju Ġenerali u l-Ministru t-tnejn irreferew għax-xogħol eċċellenti li qiegħed isir fl-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali (IMLI) li Malta hija kburija li tospita–turija tal-impenn ta’ Malta favur l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-IMO.