Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon jinsab fuq żjara uffiċjali f’Ruma fejn qed isiru taħdidiet mal-Ministru għall-Opportunitajiet Indaqs u l-Familja tal-Italja, Elena Bonetti, u ma’ uffiċjali mill-Awtorità Ċentrali Taljana dwar il-kollaborazzjoni fil-qasam tal-adozzjoni bejn Malta u l-Italja.
Il-Ministru Falzon spjega li s-suġġett tal-adozzjonijiet hu sensittiv ħafna u l-għan ta’ kulħadd għandu jkun l-aħjar interess tat-tfal. “Mhux faċli li tagħmel policies u liġijiet li jitkellmu dwar suġġett tant u tant emozzjonali li jqajjem tant diskussjoni u li fih innifsu sal-lum għadu kumpless”, qal Dr Falzon.
Il-Ministru Falzon semma li ż-żewġ pajjiżi għandhom numru ta’ sfidi u ta’ opportunitajiet komuni u għal dan l-għan ikun pass strateġiku li fuq livell internazzjonali jkun hemm ħidma aktar konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi. B’dan il-mod ikunu qed jiġu mħarsa aktar l-interessi tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri prospettivi fiż-żewġ pajjiżi. Qal li s-sena l-oħra Malta għamlet adozzjonijiet minn tliet pajjiżi differenti – l-Islovakkja, il-Portugall u l-Indja. Il-Ministru tenna l-impenn tiegħu biex jiżdiedu l-adozzjonijiet lokali waqt li rrefera għat-tibdil kbir fil-liġi tal-protezzjoni tat-tfal fejn fost l-oħrajn tfal li jkun ilhom ħames snin f’foster care jkunu jistgħu jiġu adottati.
Il-laqgħa mal-Ministru Bonetti u mal-Awtorità Ċentrali Taljana ffukat l-aktar fuq il-proċess ta’ adozzjoni u l-blockchain. L-Awtorità Ċentrali Taljana wriet interess f’dan ir-rigward u se jibdew taħdidiet fuq possibilità ta’ partnership ma’ Malta dwar il-blockchain u t-taħriġ għall-professjonisti taż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk fix-xhur u fis-snin li ġejjin, iż-żewġ awtoritajiet ċentrali se jkunu qed jaħdmu flimkien fuq livell nazzjonali biex iħarsu aktar l-interess tat-tfal.
Jakkumpanja lill-Ministru Falzon hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella, li waqt il-laqgħa qal li matul l-aħħar xhur saret ħidma biex il-proċess tal-adozzjonijiet f’Malta jkun qed jiġi simplifikat u ffukkat aktar fuq il-bżonnijiet tat-tfal. Żied jgħid li l-awtorità lesta tkompli tikkonsolida r-relazzjoni tagħha mal-Awtorità Ċentrali Taljana sabiex flimkien ikunu jistgħu jaħdmu b’mod konġunt f’forums u f’għaqdiet internazzjonali biex jiġu esplorati opportunitajiet ġodda fis-settur.
Ritratt (MFCS)