Minn stħarriġ li sar minn ‘Europe Startup Nations Alliance’, l-ESNA, Malta kklassifikat fir-raba’ post fost 21 stat membru tal-Unjoni Ewropea għal startups innovattivi. Dan ħareġ fl-ewwel analiżi teknika tax-xorta tagħha mill-entità li nħolqot apposta mill-Unjoni Ewropea.
Qabel Malta, ikklassifikaw biss pajjiżi kbar bħal Spanja u Franza flimkien mal-Belġju. Malta kienet fost għaxar pajjiżi biss li qabżu l-medja kumplessiva fuq l-istandards stipulati mill-istess ESNA.
‘Startup Nations Standards’ huma tmien livelli ta’ eċċellenza fil-qasam tal-istartups fejn fihom Spanja u Franza kisbu l-aqwa ċertifikat b’87%, il-Belġju b’74% u Malta bi 73%.
Malta kklassifikati l-ewwel fost il-pajjiżi kollha fi tlieta mill-istandards minn tmienja. Dawn kienu fl-attrazzjoni għat-talent ġdid u l-ħila biex dan jinżamm, fl-għodod diġitali bħala l-qofol tal-komunikazzjoni bejn startups u entitajiet tal-Gvern, u fl-inqas ħin biex wieħed jirreġistra kumpanija ġdida.
B’riżultat ta’ dan, Malta saħansitra laħqet il-punteġġ massimu ta’ mija fil-mija jew ekwivalenti. Qasam ieħor, li fih pajjiżna jitqabbel b’mod tajjeb jew aħjar mill-bqija, hu dak dwar kif jinħolqu liġijiet biex jirregolaw oqsma emerġenti.
B’rabta ma’ dawn l-oqsma, il-Gvern qed jaħdem biex Malta tissaħħaħ bħala pajjiż ideali għal startups innovattivi, permezz ta’ sensiela ta’ miżuri.
Fi stqarrija, il-Malta Enterprise qalet li qed tħejji biex is-settur ikollu qafas leġiżlattiv aktar favorevoli, kemm għall-istartups infushom kif ukoll għall-investituri fihom. Dan qed isir filwaqt li l-entità tal-Gvern qed tkompli ssaħħaħ ukoll l-inċentivi tagħha bħall-Business Start u Startup Finance li jwasslu għal assistenza sa massimu ta’ €1.5 miljun.