Fl-ewwel tliet xhur minn meta tnediet l-iskeda l-ġdida ta’ ġbir tal-iskart, minn madwar l-irħula u l-bliet ta’ pajjiżna nġabru 34,444.78 tunnellatta ta’ skart.
Dan skont tagħrif li ngħata mill-Ministru għall-Ambjent fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u li rrapportat dwaru l-gazzetta KullĦadd.
Fil-Parlament ġie spjegat li l-ġbir tal-iskart huwa maqsum f’erba’ taqsimiet li jinkludu l-borża l-bajda tal-iskart organiku, il-borża l-ħadra jew ġriża tar-riċiklaġġ, il-borża s-sewda tal-iskart imħallat u l-ħġieġ.
Skont l-istess tagħrif mill-Parlament joħroġ biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta tal-iskart iġġenerat kien mitfugħ fil-borża s-sewda. Minkejja dan, ġie nnotat tnaqqis sinifikanti sa Marzu li għadda u dan qabel daħlet b’mod obbligatorju l-liġi tas-separazzjoni tal-iskart.
Filfatt, f’Marzu kien hemm mitejn u ħamsin tunnellata inqas ta’ skart tal-borża s-sewda meta mqabbel ma’ xahrejn qabel.
Dan filwaqt li kien hemm żidiet fl-ammont ta’ skart miġbur fil-borża l-bajda u l-ħadra jew griża.
L-iskeda l-ġdida ta’ ġbir tal-iskart iddaħħlet fit-tnejn ta’ Jannar ta’ din is-sena u b’mod naturali segwiet il-liġi ta’ separazzjoni obbligatorja nhar l-erbatax t’April li għadda.
Din il-liġi ta’ separazzjoni obbligatorja se tibda timponi multi fuq min ma jisseparax sew l-iskart bil-għan li jitnaqqas drastikament l-iskart li jiġi mormi fil-borża s-sewda.
Dawn il-multi li jammontaw għal ħamsa u sebgħin ewro għan-negozji u ħamsa u għoxrin ewro għad-djar, se jidħlu fis-seħħ nhar l-erbatax t’Ottubru.
Timxi id f’id ma’ dan l-impenn hemm l-iskema magħrufa bħala dik tal-BCRS li permezz tagħha f’ħames xhur diġà ġew ipproċessati sittin miljun kontenitur tal-plastik, ħġieġ jew landa.
Filfatt, ġie reġistrat tnaqqis fit-tunnellati ta’ materjal tal-ħġieġ li nġabar hekk kif bosta nies qegħdin jagħżlu li jiddisponu minn dan il-materjal mal-BCRS hekk kif il-konsumatur se jirkupra għaxar ċenteżmi li ħallas meta jkun xtara il-kontenitur.