Il-Gvern ta’ Malta ffirma u rratifika żewġ protokolli u konvenzjoni fis-sede tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu nhar is-16 ta’ Jannar, 2018.
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, l-Ambaxxatur Joseph Filletti, f’isem il-Ministru Carmelo Abela, iffirma u rratifika ‘Protokoll nru. 15’ tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Emenda tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Il-‘Protokoll nru.15’ jipprovdi diversi emendi maħsuba biex jgħinu fl-effettività tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fosthom it-tqassir tal-limitu taż-żmien li fih għandha ssir applikazzjoni lill-Qorti minn sitt xhur għal erba’ xhur, iż-żieda ta’ referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-apprezzament għall-Preambolu tal-Konvenzjoni u t-tibdil fil-limitu ta’ età ogħla għall-imħallfin.
L-Ambaxxatur Filletti ffirma u rratifika wkoll ‘Il-Protokoll Addizzjonali għall-Karta Ewropea ta’ Gvern Lokali’ dwar id-dritt li jipparteċipa fl-affarijiet ta’ awtorità lokali li jipprovdi garanzija legali internazzjonali għad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’affarijiet ta’ awtorità.
Matul l-istess ċerimonja Malta ddepożitat l-istrument ta’ ratifika għall-‘Konvenzjoni Reveduta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ko-produzzjoni Ċinematografika’ li tippromwovi l-iżvilupp ta’ ko-produzzjoni ċinematografika multilaterali Ewropea u tipproteġi l-ħolqien u l-libertà tal-espressjoni filwaqt li tiddefendi d-diversità kulturali tal-pajjiżi Ewropej.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Gabriella Battaini-Dragoni kienet preżenti għal din iċ-ċerimonja ta’ ffirmar.