Malta u l-Polonja ffirmaw ftehim ta’ rappreżentanza reċiproka fil-ħruġ tal-viżi. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja f’Varsavja, u daħal fis-seħħ fl-istess jum. Malta kienet irrappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi residenti ta’ Malta għall-Polonja Natasha Meli-Daudey, u l-Polonja mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin,Witold Waszczykowski.
Il-Ministru Abela ħabbar li l-ewwel post fejn il-Polonja se tibda tirrappreżenta lil Malta se jkun il-kapitali Iranjana, Tehran. Irrimarka li dan huwa pass importanti fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, li se jagħti spinta għall-kooperazzjoni bilaterali.
Ġew diskussi ukoll temi t’interess reċiproku bħat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali f’għadd ta’ setturi, s-sigurtà Ewropea, il-migrazzjoni, il-viċinat tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll Brexit u l-ġejjieni tal-Ewropa.