Intlaħaq ftehim bilaterali bejn Malta u t-Turkija bil-għan li jirregola l-kummerċ u l-investiment bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-ftehim bilaterali magħruf bħala JETCO ġie ffirmat mill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona flimkien mal-Ministru tal-Ekonomija tat-Turkija Nihat Zeybekci.
Dan wara li aktar kmieni ttellgħet l-ewwel laqgħa ministerjali bejn iż-żewġ Ministri bħala parti mill-proċess ta’ JETCO.
Il-Ministru Chris Cardona fisser dan il-ftehim bħala katalist li ser iservi bħala qafas għal sħubija produttiva f’diversi oqsma u saħaq li permezz tal-JETCO ser ikun hemm numru ta’ opportunitajiet kemm għall-investituri Maltin u Torok:
Aħna nixtiequ li naraw iżjed opportunitajiet kemm għan-negozjanti Maltin li huma mħajrin jinvestu fit-Turkija kif ukoll l-investituri Torok li jkollom proġetti li jinvestu fl-Ewropa u għaliex le ma jagħmlu dawn il-proġetti f’Malta. Naħseb li b dan il-ftehim qed naraw li jkun hemm il-parametri legali li jagħtu aktar appoġġ u fl-istess ħin qed nidentifikaw diversi niċeċ li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ investimenti bilaterali.
Il-Ministru Cardona kompla jispjega kif il-qagħda ġeografika ta’ Malta u t-Turkija huma ta’ importanza kbira għas-suq reġjonali. Dan ifisser li ż-żewġ pajjiżi ser ikunu jistgħu jikkoperaw aktar bejniethom bil-possibilità li jkun hemm l-istess opportunitajiet ta’ negozju għaż-żewġ pajjiżi. Ħeġġeġ lill-impredituri Maltin u Torok sabiex jaqsmu bejniethom kif ukoll jimbarkaw fuq ideat ġodda bil-għan titjib il-kwalita’ ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll ħalli jkun hawn aktar opportunitajiet promettenti.
Sadanittant, il-Ministru tal-Ekonomija tork Nihat Zeybekci indika kif preżentament hemm aktar minn nofs miljun dollaru ta’ neogzju bejn Malta u t-Turkija- madanakollu, hemm ir-rieda miż-żewġ pajjiżi li s-somma tilħaq il-miljun dollaru.