Il-korruzzjoni għandha tkun esposta u meqruda, il-korrotti għandhom ikunu kastigati, il-vittmi għandhom jingħataw appoġġ. Dan kien l-ispirtu li bih tmexxa l-Anti-Corruption Summit li l-Gvern Ingliż tella’ f’Londra, u li ġabar fih numru ta’ kelliema u esperti minn madwar id-dinja. Quddiem il-kriżi internazzjonali ta’ korruzzjoni, pajjiżna ngħaqad ma’ pajjiżi oħra biex twettaq dawn il-miri. B’miżuri speċifiċi għal Malta, pajjiżna hu kommess li jiftaħ reġistru ċentrali ta’ informazzjponi dwar kumpaniji inkorporati f’Malta. Dan f’konfermità mad-direttivi Ewropej li se jidħlu fis-seħħ fl-2017.
Barra minn hekk aġenziji ta’ infurzar se jkollhom aċċess sħiħ ta’ sjieda benefiċjarja ta’ kumpaniji u entitajiet oħra reġistrati f’dil-ġurisdizzjoni, u se jkunu implimentati xi ftehimiet bilaterali.
Pajjiżna se jassigura wkoll sħubija ta’ tqassim t’informazzjoni bejn il-privat u l-pubbliku, u se tkompli tassigura l-implimentazzjoni ta’ Open Contracting, u se japplika dawn l-istandards għal proġetti ewlenin bħal fis-setturi tal-enerġija, is-saħħa, u l-infrastruttura.
Dan mhux biżżejjed, hekk kif pajjiżna lest jgħaddi mill-evalwazzjoni ta’ Transparenza Fiskali mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Biex tagħti l-kastig lill-korrotti, u l-appoġġ lill-vittmi, pajjiżna jilqa’ t-twaqqif ta’ Ċentru Internazzjonali Indipendenti kontra l-Korruzzjoni, u se jipprovdi aċċess għal database ċentrali ta’ kumpaniji li nstabu ħatja, u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar offerenti korrotti.
Dan fost għadd ta’ miżuri oħra.