Matul din il-ġimgħa, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ipparteċipat fis-47 Sessjoni tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li saret fi Strasburgu, fi Franza, fejn kienet akkumpanjata minn esperti fil-qasam tal-Gvern Lokali flimkien ma’ membri tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.
Waqt li kienet qed tindirizza s-47 Sessjoni tal-Kungress, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli esprimiet sodisfazzjon għall-ħidma mwettqa mill-Kungress fil-promozzjoni tad-demokrazija reġjonali u lokali, it-tisħiħ tal-governanza, it-trawwim tal-kooperazzjoni, u l-istandards demokratiċi madwar l-Istati Membri Ewropej kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli semmiet il-ħidma importanti mwettqa mill-kunsilli lokali u dawk reġjonali. Qalet li dawn huma kontributuri ewlenin f’inizjattivi kruċjali li sa ftit ilu kienu kompletament barra mill-oqsma ta’ kompetenza tagħhom, fosthom l-integrazzjoni soċjali, il-kultura, is-saħħa u s-setturi sportivi.
Hija saħqet dwar il-bżonn li tkompli tingħata attenzjoni lill-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ bħala l-mutur għall-bidla tal-lum u ta’ għada wkoll. F’dan ir-rigward, is-segretarju parlamentari semmiet li f’Malta, il-Parlament adotta b’mod unanimu d-deċiżjoni li ż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jitħallew jiġu eletti bħala sindku jew viċi-sindku. Hija saħqet li din id-deċiżjoni għandha tispira Stati Membri oħra Ewropej, u anke tinkoraġġixxi l-involviment attiv tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fil-ħajja lokali u reġjonali.
Fil-marġini tas-47 Sessjoni tal-Kungress, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli kellha laqgħa bilaterali mal-President tal-Kungress, Marc Cools, u s-Segretarju Ġenerali tal-istess Kungress, Mathieu Mori. Fid-dawl tal-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa li jmiss, f’din il-laqgħa, is-segretarju parlamentari tenniet li Malta hija lesta li tkun interlokutur fuq livell internazzjonali u reġjonali filwaqt li żżomm ukoll djalogu b’saħħtu mal-organizzazzjoni fil-livelli kollha. Filwaqt li enfasizzat l-appoġġ tal-Gvern Malti lill-Kunsill tal-Ewropa, hija qalet li tħares ’il quddiem li tospita l-laqgħa f’pajjiżna li se tittella’ fi żmien il-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli kellha wkoll laqgħa mal-interlokuturi Franċiżi fil-livell ta’ Gvern Lokali, sabiex ikun hemm aktar skambju ta’ għarfien biex tkompli tissaħħaħ il-governanza lokali u reġjonali.