L-Unjoni Ewropea għażlet il-jum tad-9 ta’ Mejju, meta jiġi ċċelebrat Jum l-Ewropa, biex tinawgura uffiċjalment il-Konferenza Dwar Il-Ġejjieni Tal-Ewropa, li t-tema ewlenija tagħha hija “L-Involviment maċ-Ċittadini għad-Demokrazija – Il-Bini ta’ Ewropa aktar Reżiljenti.”
Iċ-ċerimonja ewlenija tal-ftuħ tal-konferenza saret fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu u għaliha kienu preżenti b’mod virtwali rappreżentanti mill-Gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi kien preżenti f’isem Malta.
Il-bidu ta’ din il-konferenza dwar il-ġejjieni tal-Ewropa jitqies bħala mument importanti għall-Unjoni Ewropea fejn qed tiftaħ spazju ġdid biex iċ-ċittadini Ewropej jersqu ’l quddiem bis-suġġerimenti tagħhom dwar kif se jiġu indirizzati l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea.
L-għan ewleni ta’ din il-konferenza huwa li jinħoloq dibattitu sħiħ mal-Ewropa kollha biex iċ-ċittadini jingħataw rwol akbar fit-tiswir tal-politiki u l-ambizzjonijiet futuri tal-Unjoni. Iċ-ċittadini se jkunu mistiedna jaqsmu l-ideat tagħhom f’konferenzi bħal dawn, f’laqgħat fiżiċi jew f’ambjenti diġitali, li se jiġu organizzati f’livelli differenti, inkluż fil-livell Ewropew, nazzjonali, transnazzjonali, u reġjonali u ser jinvolvu lis-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati biex b’hekk flimkien ikunu qed ifasslu l-futur tal-Unjoni Ewropea.
F’Malta wkoll il-Gvern qed iħares ’il quddiem bil-għan li ċ-ċittadini Maltin ukoll ikunu involuti fil-ħidma biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza fuq il-Ġejjieni tal-Ewropa li Malta hija firmatarja tagħha.
Fost l-għanijiet ta’ din id-dikjarazzjoni konġunta jissemmew il-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa, il-kuntratt soċjali tagħha u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Għandha tindirizza l-inugwaljanzi u tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun ekonomija ġusta, sostenibbli, innovattiva u kompetittiva li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Qed isiru wkoll tħejjijiet lokali għall-parteċipazzjoni Maltija f’dan il-proċess. Il-prinċipju ewlieni hu li ċ-ċittadini jkunu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet kollha ħalli l-aspirazzjonijiet tagħhom jitwasslu. Malta temmen li l-konferenza għandha tkun opportunità għal dawk iċ-ċittadini li s-soltu ma jsemmgħux leħinhom biex issa jagħmlu dan f’dibattitu miftuħ mal-Ewropa kollha.
Bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej jkunu jistgħu jwasslu l-fehmiet tagħhom dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, inħoloq is-sit elettroniku https://futureu.europa.eu/?locale=en li l-aċċess għalih huwa miftuħ għal kulħadd.