Pajjiżna qiegħed jieħu pożizzjoni b’saħħitha favur azzjoni klimatika bbażata fuq il-kultura matul il-COP28.
Dan billi ngħaqdet bħala membru fundatur ma’ 27 pajjiż ieħor li huma impenjati għall-integrazzjoni tal-kultura bħala pilastru ċentrali fir-rispons globali għat-tibdil fil-klima.
Din il-kollaborazzjoni ġiet formalizzata waqt li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kien qiegħed jattendi għad-Djalogu Ministerjali ta’ Livell Għoli dwar l-Azzjoni Klimatika bbażata fuq il-Kultura fil-COP28 fl-Emirati Għarab Magħquda.
Il-mira ewlenija ta’ dan l-isforz konġunt huwa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-ħidma konġunta dwar il-Kultura u l-Azzjoni Klimatika fejn il-United Nations Framework Convention on Climate Change, UNFCCC u l-korpi sussidjarji tagħha jindirizzaw flimkien kwistjonijiet li jġibu flimkien il-kultura u l-wirt nazzjonali u l-azzjoni klimatika. Dan bl-għan li jagħmlu rakkomandazzjonijiet għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni matul il-COP li jmiss, jiġifieri fil-COP29.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Bonnici enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi msaħħaħ id-djalogu dwar il-preservazzjoni kulturali fil-kuntest tat-tibdil fil-klima. Tenna li s-settur kulturali, milqut b’mod sinifikanti mit-tibdil fil-klima, għandu potenzjal li mhux qed jiġi utilizzat biżżejjed biex jikkontribwixxi fid-diversi sferi.
Qal, “We must get back on track, if not for us then for the sake of our children. Malta supports the initiative that we are doing today recognizing the urgent need to elevate the discourse on cultural preservation in the climate change arena.”
Malta enfasizzat ukoll fuq l-importanza li tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet, ir-riżorsi u l-aspirazzjonijiet uniċi ta’ kull pajjiż fit-tfassil tas-soluzzjonijiet, u li jiġi evitat approċċ wieħed għal kulħadd li ma jkunx ideali fit-twettieq tal-ħidma internazzjonali.
Il-Ministru Bonnici temm billi enfasizza l-ħtieġa ta’ policies li mhux biss jippreservaw iżda wkoll jippromwovu l-aspetti kulturali differenti u li jservu ta’ xprun biex jiġu salvagwardjati u msaħħa l-identitajiet kulturali.