Malta għandha uffiċjalment il-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa għas-sitt xhur li ġejjin. Din il-Presidenza bdiet waqt laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-46 stat membru tal-organizzazzjoni, li saret fil-Lussemburgu.
Pajjiżna qed jingħata din ir-responsabbiltà għar-raba’ darba u proprju 60 sena wara li ssieħeb f’din l-organizzazzjoni internazzjonali fl-1965. B’mod simboliku, il-Lussemburgu, li kellha l-Presidenza fl-aħħar sitt xhur, għaddiet it-tmexxija lil Malta.
Ftit minuti wara dan il-mument storiku, ONE News tkellem mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, f’kollegament virtwali, fejn semma l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija.
“Illum Malta ġiet fdata b’din ir-responsabbiltà ġdida. Presidenza li se tara sitt xhur ta’ impenn fuq diversi prijoritajiet. Prijoritajiet li jvarjaw, ovvjament minn Tribunal Speċjali biex iżomm dawk responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni fl-Ukrajna sa ħidma fil-komunitajiet madwar il-kontinent Ewropew, jekk hux fuq it-tfal, il-vjolenza domestika, speċjalment il-vjolenza fuq in-nisa, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, protezzjoni tat-tfal mill-abbużi rispettivi. Jiġifieri se tkun waħda impenjattiva.“
IAN BORG
Dr Borg sostna li, matul dan il-perjodu, se jsiru diversi laqgħat għolja, avvenimenti u anke żjarat.
Fakkar li din ir-responsabbiltà ġdida ġejja wara l-esperjenza li Malta kellha fis-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anke fil-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
“Bla dubju ta’ xejn huma sfidi differenti, imma simili, għax il-kuntest li qed ngħixu fih jibqa’ dak li hu, li jpoġġi ħafna sfidi fuq is-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu.”
IAN BORG
Id-Deputat Prim Ministru qal kif din il-Presidenza hi opportunità favur ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
“Bla dubju ta’ xejn hi opportunità li Malta turi l-bqija tal-kontinent u l-kumplament tad-dinja li għandha mhux biss valuri sodi, iżda permezz tagħhom tista’ anke tagħti d-direzzjoni li l-kumplament tal-Ewropa tant għandha bżonn bħalissa.”
IAN BORG
Hu temm jisħaq li Malta determinata li tkompli tibni fuq il-kisbiet tal-Presidenza tal-Lussemburgu u anke appella biex il-pajjiżi kollha jaħdmu flimkien ħalli b’hekk tinbena Ewropa aktar reżiljenti, għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.