Il-Kummissjoni Ewropea qasmet erbatax-il biljun ewro lil disa’ stati membri bħala parti minn fond temporanju t’għajnuna fi żmien il-pandemija magħruf bħala SURE.
B’dan il-finanzjament Malta rċeviet mija u għoxrin miljun ewro.
Dan il-finanzjament forma ta’ self b’rati favorevoli qed jingħata u mistennija jgawdu minnu bosta ħaddiema fosthom dawk li jaħdmu għal rashom.
B’dan l-aħħar finanzjament, it-tieni wieħed għal Malta, b’kollox pajjiżna se jkun irċieva mitejn erbgħa u erbgħin miljun ewro.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen spjegat kif dan il-fond qed jgħin biex il-kumpaniji jkomplu jsostnu l-pagi tal-ħaddiema.
Fost l-oħrajn Malta se tuża dawn il-fondi biex il-Gvern ikompli jsostni l-Covid-Wage Supplement.
Intant l-Ungerija u l-Polonja mblukkaw il-pakkett ta’ fondi ta’ rkupru għaliex mhux jaqblu li l-fondi jitqassmu b’rabta maż-żamma tas-saltna tad-dritt fil-pajjiż.
Malta, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela kienet saħqet li m’għandiex problema li l-fondi jingħataw bil-kundizzjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt iżda l-Polonja u l-Ungerija, immexxija minn Gvernijiet ta’ partiti msieħba fil-Partit Popolari Ewropew ma jridux jafu.
Dawn il-pajjiżi, fosthom l-Ungerija kienu wħud li l-ewro parlamentari Roberta Metsola qabżet għalihom.
Il-pakket ta’ fondi Ewropej jammontaw għal wieħed punt tmienja triljun ewro u kull pajjiż jeħtieġ jaqbel biex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ toħroġ il-finanzjament.