Il-ġejjieni tal-kompetittività fl-Ewropa u l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom l-industriji u l-intrapriżi fis-suq waħdieni ġie diskuss mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapiża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt li kien qed jattendi għall-Kunsill Ewropew fi Brussell.
Fid-diskussjoni dwar ir-Rapport Draghi, il-Ministru semma kif pajjiżna qed jara dan ir-rapport bħala kontribut pożittiv għad-diskussjonijiet dwar titjib tal-kompetittivita Ewropea li Malta taqbel mal-bżonn li jingħelbu l-ostakli għall-kompetizzjoni kif ukoll tappoġġja reviżjoni sħiħa, l-aktar għas-setturi industrijali u tas-servizzi tagħna.
Il-Ministru Schembri sostna li pajjiżna qed jagħmel enfasi fuq setturi ewlenin bħall-energija, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji avvanzati u t-trasport.
Dwar il-konnettività, il-Ministru Malti tenna li l-kunċett ta’ ‘one size fits all’ ma jaħdimx, għax jinjora l-bżonnijiet distinti ta’ pajjiżi membri, li għandhom realtajiet differenti mill-pajjiżi l-kbar.
Dwar l-estensjoni tal-qualified majority voting f’ċerti oqsma sensittivi li jaf tħalli impatt sproporzjonat fuq xi stati membri, il-Ministru tenna li Malta għandha r-riżervi kbar fuqha, iżda tappoġġja bil-kbir it-tnaqqis tal-piżijiet burokratiċi billi jitqies it-tnaqqis tal-obbligi ta’ rapportar b’25%.
Il-Ministru Schembri kellu taħditiet mal-kumpanijia IMEC f’Leuven, iċ-ċentru ta’ riċerka u innovazzjoni ewlieni fid-dinja fil-qasam tan-nano elettronika u t-teknoloġiji diġitali. Għal din il-laqgħa attenda wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory.
F’din il-laqgħa ġie diskuss il-memorandum of understanding li l-Malta Enterprise iffirmat mal-IMEC f’Mejju li għadda, kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi fl-Unjoni Ewropea, inkluż fejn jikkonċerna l-AI Chips Act u ċ-ċentri Ewropej ta’ kompetenzi fi ħdan is-settur, u l-ħidma fuq it-trasformazzjoni ekonomika li għaddej bħalissa biha pajjiżna.
Is-sħubija ta’ pajjiżna ma’ dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni hu pass importanti biex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jitħarrġu f’suġġetti ta’ deep tech, microchips u nanochips, fost oħrajn.