Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet għall-Kunsill Informali tal-Ministri Ewropej responsabbli mis-sajd fi Bruges, il-Belġju, fejn ġew diskussi diversi temi relatati mas-sostenibbiltà tas-settur.
Id-diskussjoni waslet għal diversi ideat dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ timplimenta viżjoni għas-setturi tas-sajd u l-akwakultura fil-leġiżlatura tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss bejn l-2024 u l-2029. Fost il-punti li tqajmu minn diversi Stati Membri, ħareġ il-bżonn li s-setturi jkunu reżiljenti sabiex jaffaċċjaw id-diffikultajiet interni fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll mill-pressjonijiet li ġejjin minn barra, fosthom bl-effetti ta’ kriżijiet bħall-pandemija u l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. L-Istati Membri semmew diversi diffikultajiet, li ħafna minnhom huma simili għal dak li qed jaffaċċjaw is-sajjieda Maltin u Għawdxin. Fost l-aktar diffikultajiet imsemmija kien hemm il-piżijiet amministrattivi eċċessivi relatati mar-rappurtaġġ mitlub lis-sajjieda, żieda fil-prezz tal-fjuwil, flotta kkaratterizzata minn bastimenti tas-sajd antiki, kif ukoll in-nuqqas ta’ riġenerazzjoni tas-settur.
Matul l-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat li s-sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali għandhom jinżammu fiċ-ċentru tal-politika tas-sajd Ewropea. Alicia Bugeja Said enfassizzat li jeħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex jintlaħqu l-istess kundizzjonijiet fil-Mediterran minħabba li l-ħażna ta’ ħut tal-Mediterran huwa maqsum ma’ pajjiżi terzi. “Hemm bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi legali li jħarsu l-kompetittività u l-profittabilità għas-sajjieda. Is-sajjieda u s-settur tal-akwakultura huma pilastru ewlieni fis-sigurtà tal-ikel fi ħdan l-Unjoni, u b’hekk dan l-irwol għandu jingħata importanza ferm akbar”, kompliet tgħid is-segretarju parlamentari.
Hija sostniet ukoll il-bżonn ta’ emendi fir-Regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat (State Aid) għas-settur tas-Sajd, kif ukoll fir-Regolament tal-Fond Ewropew għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Marittimu (EMFAF) sabiex jipprovdu aktar flessibilità li tippermetti għajnuniet għal investimenti relatati mal-immodernizzar tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd.
Marbut ma’ dan, Malta ipproponiet li jinħoloq mekkaniżmu ieħor, din id-darba finanzjarju bħal “buy back”, li kapaċi jiffaċilità t-trasferiment tal-opportunitajiet tas-sajd, bħal-liċenzji u kwoti, lejn sajjieda żgħażagħ. B’hekk inkunu qed nassiguraw s-sostenibbiltà u t-tiġdid tas-settur li huwa patrimonju kulturali artiġjanali, kif ukoll niżguraw provvista ta’ ħut frisk għall-poplu Malti u Għawdxi.