Il-qasam tat-tassazzjoni internazzjonali kompla jkun iddominat mit-Two Pillar Solution. Indirizza dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, waqt it-tħabbira tal-baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Dwar Pillar 2, jiġifieri t-tassazzjoni minima globali, il-Ministru Caruana qal kif kompla x-xogħol fi ħdan l-OECD u l-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli.
Tkellem dwar kif fl-Unjoni Ewropea hemm direttiva dwar dan, li pajjiżna għażel li jiddiferixxiha, kawża ta’ inċertezzi sinifikanti, anke hekk kif l-OECD għadha qed toħroġ linji gwida dwar kif din għandha titħaddem u, b’hekk, hu għaqli li pajjiżna jimxi b’kawtela.
Dan filwaqt li komplew it-taħditiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar miżuri u inċentivi, li Malta tixtieq iddaħħal f’forma ta’ grants jew krediti ta’ taxxa biex dawn ikunu konformi mar-regoli tal-UE u l-OECD u biex jiġi aċċertat li Malta tibqa’ kompetittiva.