Aktar minn għoxrin entità f’Malta laqgħu l-istedina tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Drittijiet ta’ Persuni bi Problemi ta’ Saħħa Mentali biex jipparteċipaw fil-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa Mentali 2022. Dawn I-entitajiet jaħdmu fl-oqsma differenti tas-saħħa mentali, mill- prevenzjoni sal-kura u s-sapport.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa, li matulha ntqal ukoll li statistika dwar il-persuni li ddaħħlu b’mod involontarju fl-isptar Monte Carmeli fis-sena 2020 turi li minn ftit inqas minn 500 pazjent involontarju, 30 fil-mija kienu żgħażagħ u adoloxxenti f’etajiet taħt it-30 sena.
Il-proporzjon bejn irġiel u nisa hu ta’ tliet irġiel għal kull mara li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali.
ONE News tkellem ma’ Dr Denis Vella-Baldacchino, li huwa l-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Drittijiet ta’ Persuni bi Problemi ta’ Saħħa Mentali.
Huwa semma r-raġunijiet għaliex fl-aħħar snin in-numri b’rabta ma’ dan telgħu ’l fuq, speċjalment qalb iż-żgħażagħ.
Qal, “Żdiedet minħabba l-pandemija, għaliex il-pandemija żiedet l-iżolament, l-għeluq, u dawn l-affarijiet kollha.”
Madankollu, b’sodisfazzjon, Dr Vella Baldacchino rrimarka li llum, b’differenza għall-passat, hawn iktar kuxjenza u għajnuna b’rabta ma’ din il-materja.
Spjega, “In-nies qed isiru aktar konxji u, għalhekk, din il-ġimgħa hija importanti. Il-problemi ma jistgħux jibqgħu magħluqin. Ma rridux in-nies jiggravaw biex, meta jkunu fi stat kritiku, ikollhom jirrikorru għal sptar jew affarijiet iktar fatali.”
Dr Vella Baldacchino rrimarka l-importanza ta’ dan it-tip ta’ kollaborazzjoni.
Qal, “Għall-ewwel darba f’Malta, din is-sena, ngħaqadna mal-kumplament tal-Ewropa u qed niċċelebraw din il-ġimgħa partikolari. Il-kelma “li tiċċelebra” mhux eżattament korretta imma prattikament qed inżidu l-għarfien tal-problemi relatati mas-saħħa mentali u b’fokus partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, u l-adoloxxenti.”