Illum Malta qed tiċċelebra l-festa ta’ San Pawl Nawfragu.
Fil-Belt Valletta, għall-ħabta tad-9:30, Monsinjur Arċisqof se jmexxi quddiesa pontifikali, fejn wara għall-ħabta ta’ nofshinar il-Fondazzjoni Wirt Artna se żżomm ma’ tradizzjoni antika ta’ sparar mis-Saluting Battery.
L-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta kienet ħabbret ukoll li llum se toħroġ il-vara ta’ San Pawl barra l-Knisja, fi Triq San Pawl.
Din se ssir fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija u l-istatwa ta’ San Pawl se tkun akkumpanjata mill-banda tas-Socjetà Filarmonika La Valette.
Intqal kif din l-attività se tkun qed isegwi mal-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, hekk kif dawk preżenti se jkunu bilqegħda.
Lejn it-tmiem tal-quddiesa tal-festa ta’ San Pawl fil-Knisja tal-Belt, se jkun qed jinqara messaġġ mis-Santa Sede.