Minkejja ċ-ċirkustanzi attwali fl-Ewropa, bil-gwerra fl-Ukrajna u bid-deċiżjoni tal-Iżvezja u tal-Finlandja li jidħlu fin-NATO, Malta tibqa’ tgħożż in-newtralità tagħha.
F’kummenti lill-ġurnal influwenti Politico, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, spjega li l-kunċett tan-newtralità huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni Maltija u li l-politika barranija ilha mnebbħa minn dan il-prinċipju minn mindu ddaħħal fil-kostituzzjoni fis-snin 80.
Il-Ministru Borg ħabbar ukoll li, b’riżultat tas-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq Moska wara l-invażjoni tal-Ukrajna, Malta ffriżat €200,000 f’assi Russi.
“Huwa importanti li niftakru li l-Istati membri jistgħu jiffriżaw biss assi li jkunu fit-territorji tagħhom,” qal il-Ministru Borg. “Bl-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet Maltin, assi oħrajn b’valur ta’ miljuni ġew iffriżati minn Stati membri oħrajn… Ipprovdejna informazzjoni lil Stati membri oħrajn li rriżultaw fl-iffriżar ta’ bastimenti tat-tagħbija bl-ingrossa, żewġ jottijiet, u kontijiet bankarji f’banek ta’ Stati membri oħrajn. Dawn l-assi jiswew il-miljuni – ferm iktar minn €100 miljun.”