L-istħarriġ regolari li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea fost ażjendi u konsumaturi Maltin u Għawdxin juri li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku dan ix-xahar laħaq il-livell ta’ 114, jew 21% aktar mill-istess xahar fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Dan kien l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Fl-istħarriġ ta’ Ottubru, li sar fil-ġimgħat ta’ qabel il-budget, kompla jispikka l-ottimiżmu fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna. Dawn kienu l-aktar ottimisti fost l-operaturi kollha ta’ dan is-settur madwar iż-żona ewro, b’livell ta’ fiduċja darbtejn u nofs tal-medja Ewropea. Ħafna operaturi Maltin fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettativi aħjar għax-xhur li ġejjin. Għalhekk qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.
Anke fil-qasam tar-retail, il-maġġoranza tal-operaturi qalu li qed jistennew attivita aħjar fit-tlett xhur li ġejjin u sejrin iżidu l-impjegati. Fl-industrija, ħafna kumpaniji qed jistennew titjib fil-produzzjoni fix-xhur li ġejjin, wara t-tisħiħ fl-ordnijiet li diġa kellhom fl-aħħar ftit xhur. Fil-fatt dawn għandhom ordnijiet biżejjed għas-7 xhur li ġejjin, jiġifieri d-doppju tal-medja fiż-żona ewro. Fil-qasam tal-kostruzzjoni wkoll, skont l-operaturi fis-settur, kien hemm żieda fl-attività f’dawn ix-xhur.
Il-Gvern spjega li filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, il-familji f’Malta komplew ikunu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkompli titjieb fix-xhur li ġejjin. Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jaħsbu li l-qgħad ser ikompli jonqos fiż-żmien li ġej u l-ekonomija se tkompli tissaħħaħ.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jikkonfermaw kemm it-tkabbir ekonomiku qed jinħass, kemm min-negozji kif ukoll mill-familji f’pajjiżna. Il-Gvern fisser kif dan l-ottimiżmu qawwi qed jissarraf f’aktar investiment u konsum. Bil-miżuri tal-Budget 2017, fix-xhur li ġejjin mistenni li s-sens qawwi ta’ ottimiżmu jkompli jiżdied u joħloq aktar ġid li jasal għand kulħadd.