Pajjiżna dejjem baqa’ l-ġuriżdizzjoni l-aktar magħżula fl-industrija tal-gaming b’riżultat tal-ħidma tal-Gvern, li baqa’ kontinwament ikun ta’ appoġġ għal din l-industrija, jifhem l-isfidi, u jieħu l-miżuri neċessarji biex jinħoloq ambjent fejn dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu b’mod sostenibbli.
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti waqt il-konferenza internazzjonali tal-gaming, iGaming Next, li saret f’Dar il-Mediterran, il-Belt.
Is-settur tal-iGaming f’pajjiżna jħaddem 10,000 persuna b’mod dirett u sa 15,000 jekk jingħaddu l-impjiegi mhux diretti. Dan ifisser 5.4 fil-mija tal-forza tax-xogħol totali f’pajjiżna. Dan huwa settur li, bħal setturi oħra, qed jevolvi u minnu f’pajjiżna stess qed naraw niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma huma l-videogame development u l-esports.
Il-Ministru għamel ukoll referenza għall-emendi fil-Liġi dwar il-Logħob, li għaddew mill-Parlament il-ġimgħa li għaddiet. Huwa qal li, permezz ta’ dawn l-emendi, l-operaturi li għandhom liċenzja tal-logħob Maltija se jkunu mħarsa minn sfidi legali li m’għandhomx bażi.
Dawn l-emendi jaraw li l-operaturi jibqgħu jimxu mal-obbligi regolatorji li huma stabbiliti taħt il-liġi Maltija u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja tagħhom. Id-dispożizzjonijiet legali japplikaw biss jekk l-azzjoni – meħuda minn operatur fil-konfront ta’ player, jew ta’ player fil-konfront ta’ operatur – tidħol f’kunflitt ma’, jew timmina, il-legalità tal-qafas regolatorju Malti, u jekk ikollha x’taqsam ma’ attività li hija konformi mal-Att dwar il-Logħob u l-istrumenti legali oħra li japplikaw għall-operaturi b’liċenzja tal-logħob Maltija.
Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-organizzaturi ta’ iGaming Next u l-kumpaniji kollha tal-gaming f’pajjiżna, lill-Gaming Malta u l-Awtorità Maltija tal-Logħob għall-appoġġ kontinwu tagħhom f’dan is-settur.