Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti waqt il-konferenza internazzjonali tal-gaming, iGaming Next li ttellgħet f’Dar il-Mediterran, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li pajjiżna dejjem baqa’ l-ġurisdizzjoni l-aktar magħżula fl-industrija tal-gaming.
Dan, spjega l-Ministru, huwa frott tal-ħidma tal-Gvern li baqa’ kontinwament jkun ta’ appoġġ għal din l-industrija, jifhem l-isfidi u jieħu l-miżuri neċessarji biex jinħoloq ambjent fejn dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu b’mod sostenibbli.
Is-settur tal-iGaming f’pajjiżna jħaddem 10,000 persuna b’mod dirett u sa 15,000 jekk jingħaddu l-impjiegi mhux diretti. Dan ifisser 5.4% tal-workforce totali f’pajjiżna. Huwa settur li bħal setturi oħra qed jevolvi u minnu f’pajjiżna stess qed naraw niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma huma l-videogame development u l-esports.
Il-Ministru għamel ukoll referenza għall-emendi fil-Liġi dwar il-Logħob li għaddew mill-Parlament il-ġimgħa li għaddiet fejn qal li permezz ta’ dawn l-emendi se jkunu mħarsa l-operaturi li għandhom liċenzja tal-logħob Maltija, minn sfidi legali li m’għandhomx bażi. Dawn l-emendi jaraw li l-operaturi jibqgħu jimxu mal-obbligi regolatorji li huma stabbiliti taħt il-liġi Maltija u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja tagħhom.
Id-dispożizzjonijiet legali japplikaw biss jekk l-azzjoni – meħuda minn operatur fil-konfront ta’ player, jew ta’ player fil-konfront ta’ operatur – tidħol f’kunflitt ma’, jew timmina, il-legalità tal-qafas regolatorju Malti, u jekk ikollha x’taqsam ma’ attività li hija konformi mal-Att dwar il-Logħob u l-istrumenti legali oħra li japplikaw għall-operaturi b’liċenzja tal-logħob Maltija.
Il-Ministru Schembri temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-organizzaturi ta’ iGaming Next u l-kumpaniji kollha tal-gaming f’pajjiżna, lill-Gaming Malta u l-Awtorità Maltija tal-Logħob għall-appoġġ kontinwu tagħhom f’dan is-settur.