Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard reġa’ afferma l-pożizzjoni b’saħħitha ta’ Malta favur salvagwardji adegwati għall-ġurnalisti minn proċedimenti ġudizzjarji li huma manifestament infondati jew abbużivi.
Fi stqarrija ntqal kif, il-Ministru Attard tkellem fuq l-abbozz ta’ liġi mressaq fil-Parlament Malti biex ikunu salvagwardati l-ġurnalisti u membri oħra tal-midja minn miżuri SLAPP u kif la darba l-kumitat ta’ esperti dwar il-midja jtemmu l-proċess ta’ konsultazzjoni, il-gvern se jkun qed jimxi għall-fażi li jmiss fil-proċess leġiżlattiv. Dan filwaqt li jibqa’ attivament parteċipi, kemm fuq livell tekniku u kif ukoll politiku, fid-diskussjoni li għaddejja fuq livell Ewropew dwar direttiva Ewropea.
“B’mod aktar konkret, intennu l-appoġġ tekniku u politiku tagħna għad-Direttiva anti-SLAPP u nappellaw kontra l-għażla ta’ approċċ restrittiv għaliex tali approċċ jimmina l-effiċjenza u l-effettività tad-Direttiva futura”, tenna l-ministru għall-ġustizzja.
Waqt il-laqgħa kompliet diskussjoni oħra dwar l-irkupru tal-assi u r-rikavat mill-kriminalità. Il-Ministru Attard saħaq fuq l-importanza li jinstab bilanċ effettiv bejn il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni effettiva u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk kollha li jiġu affettwati mill-iffriżar u l-konfiska ta’ dawn l-assi.
Il-Kunsill tal-Ministri laħaq qbil ukoll fuq mandat ta’ negozjar dwar abbozz ta’ direttiva dwar il-kriminalità ambjentali. Dan filwaqt li kien irreġistrat progress fuq żewġ proposti leġislattivi dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali.
Fl-istess laqgħa l-ministri tal-ġustizzja qablu wkoll fuq sett ta’ konklużjonijiet importanti fil-ġlieda kontra reati mwettqa fil-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Fi Brussell, il-Ministru Jonathan Attard kellu wkoll laqgħat bilaterali mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza Vera Jurova u mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders.