Għar-raba’ sena konsekuttiva Malta baqgħet fil-quċċata fl-indiċi ILGA-EUROE għall-2019 li jistħarreġ il-qagħda tal-jeddijiet tal-bniedem fl-oqsma tal-persuni LGBTIQ f’49 pajjiż fl-Ewropa.
Ir-rapport juri li matul is-sena li għaddiet Malta kisbet punteġġ ta’ ftit aktar minn 90 fil-mija u reġgħet ġiet ikkonfermata fl-ewwel post.
Fl-istess waqt Malta kabbret id-distakk bi 17% wara li l-Belġju li ġie kklassifikat fit-tieni post tilef ħames punti meta mqabbel mal-2018.
Il-Lussemburgu tela’ fit-tielet post b’70% u ħa post in-Norveġja li waqgħet fis-sitt post.
Ir-rapport juri li Malta kisbet kważi l-ogħla punteġġ fl-oqsma kollha mistħarrġa.
Fil-fatt Malta kisbet 80% fil-qasam tal-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, 100% fil-qagħda tal-familja, fil-qasam tar-reati ta’ mibegħda u l-liġijiet kontra diskors ta’ mibegħda, fil-qasam tar-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-integrità u l-ispazju għas-soċjetà ċivili. Min-naħa l-oħra kisbet biss 33% fil-qasam tal-ażil.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ugwlajnza laqa’ dan ir-rapport u qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jimplimenta l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ 2018-2022.
Qal li waqt li Malta baqgħet fl-ewwel post tal-klassifika fil-qafas legali f’dan is-settur, il-Gvern se jibqa’ jaħdmu biex dawn id-drittijiet ċivili jissarrfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum.
Żied li ż-żewġ liġijiet – l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza – li waslu fl-istadju tat-tieni qari, se jkomplu jsaħħu dan il-qafas legali.
Innota wkoll ħidma oħra li qiegħda ssir fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-anzjani biex id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jiġu mħarsa f’kull sfera u f’kull stadju tal-ħajja.
Il-Gvern qal li se jkompli jgħin biex jitjieb l-appoġġ li jkunu jeħtieġu l-qraba ta’ trabi u adolexxenti intersex.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalu li jinsabu determinati li jkomplu jsaħħu ħidmet il-Gvern f’dan il-qasam għal aktar drittijiet umani.