Malta se tibgħat 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu permezz tal-elettriku lill-Indja, li bħalissa tinsab f’qagħda mwiegħra minħabba l-konsegwenzi serji tal-imxija tal-pandemija COVID-19.
Din id-donazzjoni se toffri soljev qawwi lill-isptar tas-Sagra Familja fil-belt kapitali tal-Indja, New Delhi, li hija fost l-agħar milquta mill-imxija tal-pandemija.
Fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo spjegaw li pajjiżna qed jagħti sehmu fil-ġlieda dinjija kontra il-pandemija.
Dan l-apparat qed jintbagħat wara li diversi sptarijiet f’New Delhi fl-Indja komplew jibagħtu messaġġi biex jirċievu provvisti ta’ ossiġnu biex isalvaw pazjenti infettati bil-virus.
Din hija inizjattiva illi l-Gvern qed jagħmel fil-kamp umanitarju internazzjonali permezz tal-fond uffiċjali għall-assistenza għall-iżvilupp.