Matul il-jum ilbieraħ bdew jintbagħtu l-ewwel provvisti li nġabru mill-Maltin u l-Għawdxin biex jgħinu lill-poplu tat-Turkija u s-Sirja li bħalissa għaddejin minn tbatija kbira minħabba t-terrimoti qawwija li laqtu lil dawn iż-żewġ pajjiżi maġenb xulxin.
Fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu, it-Turkija ntlaqtet mill-ewwel terremot, li mmarka 7.8. Dan seħħ qrib Gaziantep. Sigħat wara seħħet it-tieni theżżiża, li mmarkat 7.5.
Quddiem din is-sitwazzjoni mwiegħra fit-Turkija, Malta ma baqgħetx lura u tat daqqa t’id kemm b’mod umanitarju kif ukoll b’donazzjonijiet ta’ affarjiiet.
L-Ambaxxatur nominat tat-Turkija għal Malta, Erediniz Şen, spjega li matul dawn il-jiem se jkunu qed jintbagħtu aktar provvisiti, fosthom ikel, ilbies li jsaħħan, gvieret, tined u materjal ieħor li jkun meħtieġ fiċ-ċirkustanza preżenti ta’ dawn il-pajjiżi.
“We have two flights of Turkish Airlines every day, so starting from today we will be sending them and will be distributed to people in need. As far as I know, today’s flight will include cargo coming from Gozo and will include goods from Malta.”
Fil-fatt, il-Protezzjoni Ċivili qed tilqa’ provvisti sabiex jintbagħtu lejn it-Turkija u s-Sirja bħala għajnuna wara t-terremoti li seħħew aktar kmieni din il-ġimgħa.
Il-Protezzjoni Ċivili se tkun qed tilqa’ l-għotjiet tal-pubbliku Malti fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’Ħal Far u x-Xewkija, Għawdex, bejn id-9am u l-5pm, kuljum.
Diversi skejjel minn madwar Malta u Għawdex qed jiġbru ukoll il-provvisti sabiex dawn jgħadduhom lill-Protezzjoni Ċivili.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-Kunsilli Lokali.
Intant, fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, il-Caritas Malta f’kollaborazzjoni mal-Caritas Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus biex tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dawn il-pajjiżi.
L-għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni, u oġġetti għall-iġjene personali, bl-aktar immedjata tkun sejħa għall-ikel u wkoll kenn f’postijiet għal min tilef kollox.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lill-Caritas Malta.
L-Ambaxxatur nominat tat-Turkija għal Malta kellu kliem ta’ tifħir għal-Gvern u l-poplu Malti għall-ġest li wera hekk kif ħarġet din l-aħbar.
“In Turkey, there is a saying that you know your friends during hard times, and I saw this in Malta because Maltese people embrace us and they help us. Maltese people have a big heart and I saw how generous they are in humanistic resources.”
L-Ambaxxatur nominat faħħar ukoll il-ħidma li qed tagħmel il-Protezzjoni Ċivili, li bagħtet ukoll kontinġent b’saħħtu ta’ 32 persuna u kelb sabiex jgħinu lill-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija jfittxu n-nies li sfortunatament għadhom taħt it-tifrik li ġab it-terremot.
Il-Gvern Malti anke ta għajnuna finanzjarja lill-gvern Tork.
Rigward jekk hemmx Maltin maqbudin taħt it-tifrik li ħalla dan it-terrimot, l-Ambaxxatur nominat spjega li sa issa ma kienx hemm aħbarjiet ta’ mwiet. Huwa spjega li ħafna mill-Maltin li jgħixu t-Turkija jgħixu ’l bogħod minn żoni milquta mit-terrimot.