“Jekk irridu li l-Libja tibni mill-ġdid l-istabbiltà interna tagħha u timxi ’l quddiem hemm bżonn ta’ koerenza fil-mod ġenerali kif nindirizzaw in-nuqqas ta’ kapaċità fil-qasam tas-sigurtà f’dak il-pajjiż”, qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt laqgħa informali tal-Kunsill tal-UE għat-28 ministru tad-difiża tal-Unjoni. Il-laqgħa ġiet organizzata f’Malta u ppreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Federica Mogherini.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg u s-Sotto-Segretarju Ġenerali
Il-laqgħa informali tal-Kunsill fetħet l-Erbgħa 26 ta’ April 2017 fuq il-bastiment ewlieni tal-EUNAVFOR MED – Operazzjoni Sophia, is-San Giusto li kien irmiġġat fil-Port il-Kbir. Operazzjoni Sophia nbdiet mill-UE fl-2015 bl-iskop li jiġi mfixkel il-mudell tan-negozju ta’ dawk li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari. Abbord saret preżentazzjoni dwar l-operazzjoni mill-Kmandant tal-Operazzjoni, l-Ammirall Enrico Credendino, filwaqt li l-ministri ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom dwar l-Operazzjoni.
Il-Ministru Abela qal li Malta tixtieq li fir-reviżjoni strateġika imminenti ta’ Operazzjoni Sophia tingħata attenzjoni aktar mill-qrib u prudenti lill-perspettivi Libjani. Malta qed tissuġġerixxi li tingħata aktar kunsiderazzjoni dwar x’tista’ tagħmel l-Operazzjoni bil-mandat u bir-riżorsi li għandha bħalissa, meta fit-twettiq tal-ħidma marittima tagħha jitfaċċaw każijiet suspettati ta’ kuntrabandu ta’ żejt Libjan.
“Filwaqt li l-Operazzjoni qed tipprovdi valur miżjud f’dik li hi preżenza tal-infurzar tal-liġi fuq il-baħar u qed ittaffi r-riżultati traġiċi fir-rigward tal-imwiet fil-baħar ta’ migranti li jkunu qed jaqsmu lejn l-Ewropa, waħidha ma tistax tindirizza l-fenomenu tal-migrazzjoni”, osserva l-Ministru.
“Jeħtieġ li l-kawżi fundamentali, jew anki l-konsegwenzi tal-migrazzjoni irregolari jiġu indirizzati permezz ta’soluzzjoni komprensiva għal dawn l-isfidi. Hawnhekk, l-UE għandha r-responsabbiltà li tikseb ir-riżultati. L-għoti tat-taħriġ lill-qawwiet tal-infurzar tal-liġi Libjani, u lill-gwardji tal-kosta u l-pulizija Libjana, huwa biss element wieħed f’din is-soluzzjoni komprensiva”.
Huwa innota li fl-aħħar mill-aħħar trid tkun soluzzjoni politika li jaslu għaliha l-Libjani bejniethom u li toffri l-aħjar tama li l-pajjiż jerġa’ jkollu l-istabbiltà u jindirizza b’mod sostenibbli l-vakwu tas-sigurtà li qed jikkaġuna l-flussi ta’ migranti irregolari. Għalhekk hi meħtieġa iktar minn qatt qabel id-determinazzjoni tal-UE li tħeġġeġ lill-partijiet kollha tas-soċjetà Libjana biex jimxu f’dik id-direzzjoni.
Il-laqgħa informali tal-Kunsill tat ħarsa wkoll lejn ix-xogħol li għaddej fuq il-Koperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), kif ukoll lejn ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża(CARD), kif ukoll il-ħidma xprunata mill-
Iffukaw ukoll fuq il-kwistjoni tat-tisħiħ tal-istrumenti tal-UE għar-Reazzjoni Rapida, inklużi l-Gruppi Tattiċi – inizjattiva maħsuba biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-Forza ta’ Reazzjoni Rapida tal-UE permezz ta’ forzi iċken iżda li jistgħu jiġu skjerati aktar malajr, aktar mobbli, aktar awtosuffiċjenti, u li jkunu aktar għal-lest – partikularment billi jissaħħu l-modularità, it-tħejjija, u l-finanzjament effettiv tagħhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mar-Rappreżentant Għoli Mogherini fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Abela qal: “Din il-laqgħa informali tal-Kunsill ġiet xahar u jumejn wara d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li mmarkat is-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati li ħolqu dik li llum hi l-Unjoni Ewropea. F’dik id-dikjarazzjoni, il-mexxejja Ewropej kienu ċari dwar l-impenn tagħhom li fl-Unjoni tagħna ngawdu s-sikurezza u s-sigurtà. Ippreżentaw is-sigurtà u d-difiża bħala oqsma li fihom il-proġett Ewropew jista’ jersaq eqreb lejn iċ-ċittadini tiegħu filwaqt li jingħata spinta ġdida. F’din il-laqgħa komplejna naħdmu f’dik id-direzzjoni.”
Id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa informali ta’ Malta issa mistennija jissuktaw fit-18 ta’ Mejju 2017 f’laqgħa formali tal-Kunsill fil-konfigurazzjoni tal-Ministri tad-Difiża.