Wara li ma rnexxiex isiru taħditiet dwar il-Jemen, u meta wieħed iqis il-waqfien mill-ġlied fir-rigward tal-port ewlieni ta’ Hodeidah, hemm bżonn li f’dan il-mument delikat in-Nazzjonijiet Magħquda tingħata appoġġ qawwi u konkret, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela. Irrispettivament minn kemm huwa qasir iż-żmien biex tittieħed azzjoni, jixraq li l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NM għall-Jemen, Martin Griffiths, ikollu l-akbar setgħa possibbli biex jaġixxi, sabiex il-proposti tiegħu biex tonqos il-vjolenza u jsiru negozjati taħt l-awspiċi tan-NM jiksbu l-istima u l-fiduċja. Barra minn hekk, anki l-Programm Dinji tal-Ikel (il-WFP) jeħtieġ l-għodda biex jasal għand aktar partijiet tal-popolazzjoni tal-Jemen, hekk kif il-pajjiż qed jersaq lejn ġuħ li jkun wieħed mill-agħar li jiftakar il-bniedem.
L-aħħar żviluppi fil-Jemen, b’enfasi fuq il-kriżi umanitarja u l-għodod li l-UE tista’ tuża fit-rispons tagħha għas-sitwazzjoni, ngħatat l-ogħla importanza fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE li saret fi Brussell nhar it-Tnejn, id-19 ta’ Novembru. Il-laqgħa ppresedietha r-Rappreżentant Għolja tal-Unjoni għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà, Federica Mogherini.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati membri ffukaw ukoll fuq il-qagħda fl-Asja Ċentrali, bi tħejjija għal-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Asja li se ssir fit-23 ta’ Novembru; fuq kwistjonijiet relatati mal-proċess tar-riforma fil-Bożnija-Ħerzegovina wara l-elezzjonijiet li saru fis-7 ta’ Ottubru; fuq l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna; u fuq is-sitwazzjoni fil-Libja.
Anki fil-każ tal-Libja, Malta tkompli tappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta’ faċilitazzjoni mmexxi min-NM fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tan-NM għal-Libja. Il-linja bażika ġenerali tibqa’ dik ta’ impenn sħiħ mil-Libjani u mill-komunità internazzjonali favur il-proċess politiku u r-rifjut tas-soluzzjoni militari. Wara l-Laqgħa Għolja ta’ Pariġi ta’ Mejju li għadda, Malta’ tilqa’ bil-ferħ il-konklużjonijiet li ġew adottati f’Palermo bħala mod kif il-pjan direzzjonali għal-Libja jingħata ħajja ġdida mill-partijiet interessati kollha, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Malta temmen bil-qawwa kollha fi triq ’il quddiem li timmira lejn tliet għanijiet ewlenin: sitwazzjoni politika normalizzata, sigurtà garantita, u żvilupp ekonomiku, qal il-Ministru Abela.
Dwar il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin irrimarka li r-riżultat tal-elezzjoni għandu l-potenzjal li jservi ta’ opportunità biex il-mexxejja politiċi juru, kemm liċ-ċittadini tagħhom kif ukoll lill-UE, impenn imġedded biex jixprunaw ir-riformi kollha li hemm bżonn li jsiru biex il-pajjiż jersaq aktar lejn l-UE b’determinazzjoni u unità. Huwa importanti li l-impenn reċiproku bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina jibqa’ jikseb l-appoġġ meħtieġ.
Filgħaxija, mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ingħaqdu l-Ministri tad-Difiża għal diskussjoni dwar il-koperazzjoni fl-UE fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża.
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Abela kellu taħditiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija, Péter Szijjártó, dwar kwistjonijiet ta’ interess bilaterali.