Malta għaddiet is-sottomissjonijiet kollha tagħha rigward ir-rapport tal-Moneyval.
Qal dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Caruana spjega li l-Gvern Malti issa ssottometta dak kollu li kellu jissottometti.
Huwa spjega wkoll li dawn is-sottomissjonijiet involvew sigħat twal ta’ xogħol intensiv u r-riżultat ta’ dan ir-rapport mistenni jitħabbar ix-xahar id-dieħel.
Fl-istess konferenza, il-Ministru Caruana spjega li bħalissa għaddejja ħidma bla waqfien sabiex fil-jiem li ġejjin sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, titlesta wkoll is-sottomissjoni ta’ Malta għal quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta tingħata l-għajnuna mill-Gvern.
Tenna li l-Gvern se jipproponi l-miżuri kollha li hemm bżonn u la darba jkun hemm l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, se jsir it-tibdil meħtieġ fl-Air Malta.